Il-Papa Franġisku, iddikjara qaddisin lill-mibkija Arċisqof ta’ El Salvador, Oscar Romero u l-Papa Pawlu VI, waqt ċerimonja fil-Vatikan li attendew għaliha eluf ta’ devoti, inkluż kontinġent imdaqqas ta’ ċittadini mill-pajjiż ta’ Romero.
Oscar Romero kien inqatel minn suldati fl-1980 waqt li hu kien qed jikkonċelebra l-quddies, f’pajjiżu. Il-qattiela tiegħu qatt ma tressqu għall-ġustizzja u l-Papa, radd ġieħ lil dan il-martri – li dejjem stinka għall-paċi waqt il-gwerra ċivili f’El Salvador – ‘talli ssagrifika ħajtu biex ikun qrib il-foqra u n-nies tiegħu’.
Intant, il-Papa Pawlu VI – li kien beatifikat fl-2013 — hu magħruf għar-riformi li wettaq fil-Knisja Kattolika matul is-snin sittin. Wara li hu kien elett Papa fl-1963, Pawlu VI kompla bir-riformi li beda l-Papa ta’ qablu, Ġwanni XXIII u li kienu xprunati mit-Tieni Konċilju Vatikan bil-għan li jibdlu r-relazzjoni bejn id-devoti u l-qassisin Kattoliċi.
Il-Kattoliċi fl-Amerika Latina ilhom jinsistu għall-ogħla rikonoxximent ta’ Romero, biċ-ċerimonja tal-bieraħ fil-Vatikan – li anki attendew għaliha diversi Kapijiet ta’ Stat –tikkonferma wkoll lil ħames qaddisin oħra. Dan wara li Romero kien beatifikat f’Mejju tal-2015, waqt ċerimonja f’El Salvador li kienet attirat il-folol kbar.
Fost il-qaddisin ġodda hemm orfni Taljan li kien miet bil-kanċer tal-għadam fl-età ta’ 19-il sena u soru mill-Ġermanja.
Il-Papa Franġisku libes l-istess ċinturin ( magħmul mill-ħabel u bit-tbajja tad-demm fuqu) li kien libes l-Arċisqof Romero qabel il-qtil brutali tiegħu, fl-1980.
Intant, il-Papa, waqt iċ-ċerimonja, ħaseb biex juża wkoll il-kalċi u l-bastun pastorali tal-Pawlu VI.
Fid-diskors tiegħu, il-Papa Franġisku, fost oħrajn, irringrazzja lill-Arċisqof Romero u lill-Papa Pawlu VI għall-kuraġġ li huma wrew fi żmenijiet diffiċli kif ukoll għad-dedikazzjoni ‘bla waqfien’ tagħhom għall-ġustizzja soċjali u l-ħidma ta’ faraġ b’riżq il-foqra u vittmi tal-oppressjoni.
//= $special ?>

