L-aħbar żvelata f’nofs il-ġimgħa li għaddiet fil-programm ‘Sorsi Infurmati’ fuq Net TV li ta’ Kastilja qed iħejju biex jappuntaw is-sitt Kummissarju tal-Pulizija f’temp ta’ ħames snin biss kemm ilu Prim Ministru Joseph Muscat, ħasdet lil ta’ Kastilja li ma stennewx li xi ħaġa hekk sensittiva – li lanqas għadha ttellgħet quddiem il-Kabinett – waslet għand Net Television.
Skont is-sorsi tagħna, il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia, dabbar ċamata l-Ħamis waranofsinhar għaliex f’kumment li ta lill-gazzetta Illum ċaħad l-aħbar mingħajr ma kkonsulta ma’ ta’ Kastilja.
Is-sorsi jgħidu li fi skambju mqanqal Michael Farrugia safa’ mgħajjar għax ma kellux jiċħad l-aħbar ta’ ‘Sorsi Infurmati’ ġaladarba ma kienx involut fit-taħditiet ma’ Ian Abdilla! “Mhux diġà fattartha bl-Assistent Kummissarju Silvio Valletta!” kien id-diskors.
Iċ-ċaħda tal-Ministru Michael Farrugia fissret li Kastilja se jkollhom jittardjaw il-pjan tagħhom li jagħmlu lil Ian Abdilla Kummissarju immedjatament, waqt li għaddejja l-investigazzjoni dwar ir-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja fuq il-kumpanija ‘Egrant’ u l-kontijiet tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.
Ir-rabja ta’ Kastilja għall-Ministru Michael Farrugia ġejja wkoll mill-fatt li l-manuvra biex Ian Abdilla jsir Kummissarju tal-Pulizija kienet maħsuba biex tikkonċidi mal-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkejsta minn Joseph Muscat. Nifhmu li malli dan ir-rapport ikun pubblikat fl-intier tiegħu, “irid ikun hemm id iebsa u kapaċi tmexxi l-Korp għal dak li se jinqala’ malli joħorġu r-rakkomandazzjonijiet tal-Maġistrat,” jgħidu s-sorsi infurmati tagħna.
Sadattant, il-mument jista’ jiżvela kif ta’ Kastilja kienu diġà ħejjew diversi manuvri biex hekk kif isir Kummissarju Ian Abdila ikollhom kontroll assolut ta’ kif jitmexxa l-Korp tal-Pulizija proprju f’mumenti delikati.
Iffaċċjat b’dan kollu jidher li l-Ministru Michael Farrugia ħa għalih bil-kbir li fl-ebda mument ma hu qiegħed ikun ikkonsultat jew infurmat b’dak kollu li qiegħed jinħema f’Kastilja.
Hu stat ta’ fatt li Kastilja tinjora lil Michael Farrugia u s’issa kienet iċċempel direttament lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Mhux l-ewwel darba li l-Kummissarju ħassu jiżfen bejn il-Ministru Farrugia u Kastilja.
Hu għalhekk li dawk qrib ta’ Robert Abela, li għandu l-aspirazzjonijiet ta’ missieru li jsir Prim Ministru, iridu li d-dikasteru ta’ Michael Farrugia bħala Ministru tal-Intern, imur għandu.
Dan biex malli s-sena d-dieħla tfaqqa’ t-tiġrija għat-tmexxija tal-Partit Laburista, Robert Abela ma jkunx żvantaġġjat mingħajr ir-riżorsi ta’ Ministeru malli joħodha kontra d-Deputat Prim ministru Chris Fearne, il-Ministru Ian Borg u l-MEP Miriam Dalli li tgawdi mill-fiduċja u r-riżorsi ta’ Kastilja.
Ta’ Kastilja jidher li qed iħarsu lejn din il-possibbiltà għaliex malli jitfgħu lil Michael Farrugia lura fil-qasam tas-saħħa, b’daqqa waħda jkunu qalgħu wkoll lil Chris Fearne mid-dikasteru naturali tiegħu.
Sadattant, il-Ministru Michael Farrugia hu beżgħan li meta fil-jiem li ġejjin se jkun iffirmat il-ftehim settorjali għall-Pulizija, hu faċilment jinqala’ ‘l barra minn dawk ta’ Kastilja biex minflok jidher il-Prim Ministru.
Bis-Supretendent Ian Abdilla bħala l-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija, se jgawdi wkoll il-Kummissarju attwali li se jingħata r-rwol ġdid fi ħdan il-Gvern.
Min-naħa l-oħra, fil-Korp tal-Pulizija hemm min iħoss li l-Assistent Kummissarju Ramon Micallef, li jiftaħar kemm kien effettiv fl-Administrative Law Enforcement (ALE), jixraqlu li Kastilja tikkunsidrah għar-rwol ta’ Kummissarju tal-Pulizija.
F’dan ix-xenarju kollu, l-akbar tellief jidher li hu l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Korp, Angelo Gafà, li kien imbuttat għal din il-kariga mill-Ministru Michael Farrugia bħala kompromess ma’ Kastilja li ma riduhx Kummissarju tal-Pulizija.
Hemm min qiegħed isostni li fil-kariga ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni, Angelo Gafà ma tantx ibbrilla u l-Korp tal-Pulizija ftit li xejn inbidel bih għaliex kollox baqa’ f’idejn il-Kummissarju Lawrence Cutajar.
“Forsi gawdew dawk viċin ħafna tiegħu li ngħataw uffiċċju qrib tiegħu, imma mill-bqija u b’mod inġenerali l-Pulizija ma bbenefikaw xejn minn din il-kariga li ġġorr magħha pakkett mill-aqwa ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro,” qalulna s-sorsi.
Jirriżulta wkoll li sadattant, Ian Abdilla diġà qiegħed isib bosta li jawgurawlu għal din il-ħatra li Kastilja kienet qed taħmi għalih. Fil-kurituri tal-qorti, kmieni l-Ħamis filgħodu, qalulu ‘li tixraqlu’, ‘li ħadu r-ruħ’ u ‘li fl-aħħar se jilħaq wieħed li jasal!’ Quddiem dan kollu Ian Abdila baqa’ ma qal xejn għaliex maħsud kif il-midja tal-PN saret taf bil-pjan ta’ Kastilja. “Jekk mhux biex ifottuk huma stess”, xi ħadd instema’ jgħid …u l-kobba tkompli titħabbel.
Is-Supretendent Ian Abdilla suppost li investiga lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff Keith Schembri. Hu kien appuntat bħala investigatur ewlieni mal- Maġistrat Aaron Bugeja fl-Inkjesta dwar il-kumpanija sigrieta ‘Egrant’ minkejja li sal-lum baqa’ ma ressaq lil ħadd quddiem il-Qrati biex iwieġbu għal għemilhom.
Għalhekk Ian Abdilla mistenni li jkun is-sitt Kummissarju tal-Pulizija taħt Joseph Muscat, li wiret lill-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo iżda mbagħad minnufih bidlu ma’ Peter Paul Zammit li kien minn barra l-Korp. Wara sena tpoġġa Ray Zammit, iżda rmewh wara l-inċident tal-isparatura tax-xufier tal-Ministru Manuel Mallia. Ġie appuntat Michael Cassar li bħal John Rizzo kien igawdi l-fiduċja ta’ kulħadd iżda malli faqqgħu l-Panama Papers, Michael Cassar li kellu aċċess għall-investigazzjonijiet tal-FIAU, f’daqqa waħda irriżenja minn jeddu. Dakinhar kien għadu kmieni wisq biex Ian Abdilla jkun appuntat Kummissarju u minflok tpoġġa Lawrence Cutajar, magħruf biss għal kemm hu leali lejn Joseph Muscat.
Iżda, kif jgħidu fil-mess tal-pulizija, Lawrence Cutajar waqa’ wisq għar-redikolu u wasal iż-żmien li jinħatar is-sitt Kummissarji tal-Pulizija f’temp ta’ ħames snin biss!
//= $special ?>