Internazzjonali

Tikber ir-reazzjoni internazzjonali għall-għajbien tal-ġurnalista Sawdi

L-Istati Uniti u r-Renju Unit qed jikkunsidraw li jibbojkottjaw il-konferenza internazzjonali dwar l-investiment li tibda fl-Arabja Sawdija fit-23 ta’ Ottubru, minħabba l-għajbien tal-ġurnalista Sawdi, Jamal Khashoggi.

Il-ġurnalista — kritiku kbir tal-Gvern Sawdi — ma deher qatt aktar wara li, fit-2 ta’ Ottubru, kien żar il-konsulat tal-Arabja Sawdija f’Istanbul, fit-Turkija. L-awtoritajiet f’Istanbul jemmnu li Khashoggi ‘spiċċa maqtul fl-ambaxxata minn aġenti Sawdi’ waqt li kelliema għall-Gvern Sawdi qed jiċħdu kategorikament għall-allegazzjoni.

Intant, numru ta’ sponsors u gruppi tal-media diġà ddeċidew li jirtiraw mill-konferenza importanti – imlaqqma ‘Davos in the Desert’ – li hi programmata f’Riyadh, fost it-tħassib dwar ‘id-destin ta’ Khashoggi’.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, għamilha ċari li lest jieħu l-miżuri kontra l-Arabja Sawdija f’każ ta’ provi ċari li l-Gvern Sawdi kien responsabbli mill-qtil tal-ġurnalista.

L-aħħar rapporti qalu li s-Segretarju Amerikan tat-Teżor, Steve Mnuchin u s-Segretarju Britanniku għall-Kummerċ Internazzjonali, Liam Fox, jistgħu ma jattendux il-konferenza ta’ Riyadh li għandha titmexxa mill-Prinċep (Sawdi) Mohamed bin Salman bil-għan li jippromwovi l-aġenda għar-riformi tiegħu.