Basketball Sport

Titħabbar il-mewt tas-Segretarju Ġenerali tal-FIBA Patrick Baumann

Tħabbret il-mewt tas-Segretarju Ġenerali tal-FIBA u l-membru tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Patrick Baumann fl-età ta’ 51 sena. Hu miet mingħajr mistenni b’attakk tal-qalb minkejja li rċieva l-attenzjoni medika immedjatament. Hu kien fi Buenos Aires fl-Arġentina jsegwi l-Olimpjadi taż-Żgħażagħ.

Baumann twieled fl-Iżvizzera fil-5 ta’ Awwissu tal-1967. Hu kien eks plejer, kowċ u referee u ngħaqad mal-FIBA għall-ewwel darba bħala avukat fl-1994. Sena wara kien maħtur Deputat Segretarju Ġenerali tal-FIBA.

Fl-2002 hu nħatar Segretarju Ġenerali tal-FIBA b’mod unanimu u kien sar it-tielet Segretarju Ġenerali tal-assoċjazzjoni wara Dr. William Jones u Borislav Stankovic. Hu kien beda t-terminu fl-2003, kariga li baqa’ jokkupa sa mewtu.

Baumann sar membru tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali fl-2007. Hu kien membru tal-Kummissjonijiet tal-Evalwazzjoni tal-KOI għal-Logħob Olimpiku tal-2008 u tal-2020, membru tal-Kummissjoni Kordinament għall-Olimpjadi tal-2012 u Chairman tal-Kummissjoni tal-Evalwazzjoni u Viċi Chairman tal-Kummissjoni tal-Kordinazzjoni għall-Olimpjadi tal-2024.

Hu kien ukoll Chairman tal-Kummissjoni tal-Kordinament għall-Olimpjadi tal-2028 u membru ta’ diversi kummissjonijiet oħra tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.

Biex tkun onorata l-memorja ta’ Baumann, il-President tal-KOI Thomas Bach talab biex għal tlett ijiem biex il-bandiera tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali fil-kwartieri kif ukoll fl-Olimpjadi taż-Żgħażagħ tkun mezza lasta.