Ġuvni u tfajla ttieħdu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku f’Għawdex tard is-Sibt filgħaxija. Fortunatament is-sewwieq sofra biss ġrieħi ħfief waqt li l-passiġġiera ma kelliex bżonn kura.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11.15pm fi Triq il-Qala, Għajnsielem, meta għal xi raġuni, il-ġuvni, li kien qed isuq karozza blu tat-tip Mazda, tilef il-kontroll tal-karozza u baqa’ dieħel f’ħajt tas-sejjieħ. Evidenti mal-art diversi partijiet tal-karrozza li tferrxu hekk kif mal-impatt, inqalgħet il-magna minn postha.
Fil-post issejħu l-Pulizija mid-Distrett tar-Rabat kif ukoll tim mediku mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex jassistu lix-xufier u l-passiġġiera. Huma mbagħad ittieħdu l-Isptar għal eżami mediku.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>