Lokali

39 sena mill-vjolenza tat-Tnejn l-Iswed

Il-15 ta’ Ottubru 1979 kien jum iswed fl-istorja politika ta’ Malta.

Avvenimenti li jibqgħu mniżżla fl-istorja tal-pajjiż bħat-Tnejn l-Iswed, il-ġurnata meta grupp ta’ paritarji Laburisti mhux biss kissru tliet każini tal-Partit Nazzjonalista iżda attakkaw u kissru d-dar tal-familja tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami u kissru u ħarqu l-istamperija ta’ The Times fil-Belt.

Din il-vjolenza titpoġġa fil-kuntest tal-vjolenza politika li kienet titwettaq dak iz-zmien u li fiha partitarji Laburisti kienu organizzati biex jattakkaw attivitajiet politiċi tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

Attakki sistematiċi li fihom mhux biss tkissru l-każini iżda kienu feruti gravament in-nies.

Dakinhar tal-15 ta’ Ottubru 1979, partitarji Laburisti daħlu l-Belt u attakkaw il-każini Nazzjonalisti tal-Floriana u tal-Belt. Wara huma kissru wkoll l-istamperija ta’ The Times fil-ħin li l-ħaddiema kienu ġewwa qed jistampaw il-ġurnal tas-16 ta’ Ottubru 1979. Il-ħaddiema ħarbu minn fuq il-bjut.

Mill-Belt, il-Laburisti marru Birkirkara fejn kissru l-Kazin Nazzjonalista ta’ Birkikara fi Triq il-Wied u minn hemmhekk telgħu għal Triq il-Kbira u ftit metri ‘l isfel mill-Għassa tal-Pulizija attakkaw u kissru d-dar tal-familja tal-Kap tal-PN ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami.