Ekonomija Lokali

Edward Scicluna ma jgħidx jekk hux se jżid it-taxxi

Il-Ministru Edward Scicluna bla tweġiba

Meta qegħdin biss ġimgħa bogħod mill-preżentazzjoni tal-Budget għas-sena d-dieħla, Netnews.com.mt staqsa lil Ministru Edward Scicluna biex jagħti konferma li mhux se jkun hemm taxxi ġodda inklużi fil-miżuri mressqa, iżda l-Ministru ma weġibx.  Hu nsista minflok li wieħed irid jistenna l-preżentazzjoni tal-Budget ftit jiem oħra u li għad iridu jinbidlu xi affarijiet.

Intant mistoqsi wkoll kemm se joħorġu nies mill-faqar permezz tal-miżuri li se jkunu ppreżentati fil-Parlament, il-Ministru Scicluna ma taniex numri jew statistiċi u minflok qal li dan jiddepenedi fuq il-poplu u kif jagħraf juża l-miżuri għall-vantaġġ tiegħu.

Il-Ministru Scicluna kien għadu kemm ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet fejn  ġiet preżentats White Paper dwar il-kiri.  F’diskors li għamel waqt din il-konferenza, hu qal li l-persuni li qed jgħixu fil-faqar niżel għal 11,000.  Madankollu mistoqsi minn fejn ġab dawn l-istatistċi, l-Ministru qal li l-faqar jiġi kkalkulat b’diversi modi fosthom permezz ta’ numru ta’ domandi fosthom jekk familja ghandhiex karozza, television u mobile.

Skont il-Ministru Scicluna jekk persuna għandha dawn l-affarijiet, mhux qed tgħix fil-faqar.   Edward Scicluna madankollu naqas milli jgħid kemm huma l-persuni li qed jgħixu fir-riskju tal-faqar.  Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjionali tal-Istatistika juru li n-numru ta’ persuni li qegħdin fir-riskju tal-faqar qiegħed dejjem jiżdied tant li issa kważi 20% tal-popolazzjoni f’Malta, jiġifieri waħda minn kull ħames familji tinsab tgħix f’dan ir-riskju.