Lokali

Daphne għolliet leħinha meta rat il-korruzzjoni – John Sweeney

Meta rat tsunami ta’ korruzzjoni ġej lejn Malta, Daphne għolliet leħinha. Kienet taf ir-riskji, speċjalment wara t-theddid personali li sarulha, imma ma felħitx tibqa’ b’ħalqha magħluq.

Kliem il-Ġurnalist investigattiv tal-BBC John Sweeney meta ddeskriva lill-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia, bħala parti mill-attivitajiet biex jitfakkar l-ewwel anniversarju mill-qtil brutali tagħha fil-Bidnija.

L-attività, bit-tema “Truth and Justice” – “Verità u Ġustizzja” – inżammet f’sala mimlija fl-Istitut Kattoliku.

Filwaqt li kompla li kienet irrabjata b’dak li kien qed jiġri, sejjaħ il-qtil ta’ Daphne bħala wieħed monstruż. Fl-istess waqt, tenna li personalment jibqgħulu mistoqsijiet dwar il-mod kif isem il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Familja tiegħu ħareġ nadif fl-Inkjesta marbuta mal-kumpanija Egrant.

Dwar il-mod kif il-Gvern Malti tratta dan il-każ, John Sweeney qal li jekk wieħed jara qtil kiesaħ u biered ta’ Ġurnalista u jibqa’ sieket, ikun pajjiż immexxi minn tiranni daqs il-Korea ta’ Fuq.

Filwaqt li tenna li din is-sitwazzjoni kollha ma tidhirx tajjeb għal Malta, staqsa lill-Prim Ministru għaliex għadu jiddefendi lill-Ministru Chris Cardona.
U l-Gvern Malti tant jistħi minn isem Daphne Caruana Galizia, li l-ħin kollu jrid ineħħi l-memorial tagħha … l-istess bħalma tagħmel il-Kremlin fir-Russja.

Il-Ġurnalist tal-BBC qal li l-Gvern jista’ jarmi l-fjuri kemm irid, iżda ma jista’ qatt jitfi d-dawl li Daphne xegħlet fil-ħidma tagħha. Għax filwaqt li għall-Gvern din hi logħba għall-poter, għall-poplu din hi kwistjoni dwar ħajja u mewt, temm jgħid John Sweeney.