Internazzjonali

Għargħar fatali fi Franza

Ftit mill-ħerba f'Villegailhenc fi Franza.

Tal-anqas 13-il persuna tilfu ħajjithom f’għargħar li kien hemm fil-Lbiċ ta’ Franza. Għargħar li fihom tkaxkru toroq u karozzi wara li f’temp ta’ ftit sigħat niżlet xita daqskemm tinżel f’diversi xhur. Fil-belt ta’ Conques-sur-Orbiel, il-livell tal-ilma fix-xmara żdied b’aktar minn sitt metri u f’xi zoni l-ilma tant kien għaddej b’qawwa li l-ħaddiema tas-salvataġġ ma setgħu jagħmlu xejn quddiemu.
Sadattant, Spanja qed tlesti għall-qilla ta’ maltempata kbira mlaqqma “Leslie”, wara li din fi tmiem il-ġimgħa ħakmet partijiet kbar tal-Portugall. Maltemp li ħalla lil madwar 300,000 propjetà mingħajr elettriku minħabba l-ħerba li kkawża b’riħ li laħaq il-180 kilometru fis-siegħa.