Sport Waterpolo

Il-Kampjonat Ewropew tal-2022 tal-Waterpolo se jsir fi Split fil-Kroazja

Il-Kampjonat Ewropew tal-erba’ snin oħra se jsir fil-Kroazja hekk kif għelbet il-konkorrenza tar-Russja u Franza li kienu interessati, biex rebħu d-dritt li jorganizzaw it-tournament fi Spaladium Arena. Id-deċiżjoni ttieħdet waqt laqgħa tal-Bureau tal-LEN f’Amsterdam, b’deċiżjoni unanima mill-membri biex il-Kroata torganizza dan l-avveniment fil-belt ta’ Splt.

B’hekk il-Kroazja se tirritorna torganizza Kampjonat Ewropew wara assenza ta’ 12-il sena, bit-tournament fl-2010 ikun organizzat f’Żagreb. Il-faċilità ta’ Spaladium Arena tista’ takkomoda ta’ 9,000 partitarju meta l-pixxini temporanji jintramaw ġewwa.

Fl-unika darba li l-Kroazja organizzat Kampjonat Ewropew f’pajjiżha, kien proprju t-tim Kroat li ħareġ rebbieħ wara li fil-finali l-Kroati kienu għelbu lit-tim Taljan 7-3. Huma żgur li se jkunu qed jimmaraw li jirritornaw għas-suċċess hekk kif l-erba’ edizzjonijiet ta’ wara ntrebħu mis-Serbja. Il-Kampjonat Ewropew li jmiss fl-2020 se jsir fl-Ungerija.

Il-President tal-Federazzjoni Kroata qal li din hi ħaġa kbira għall-isport Kroat u l-belt ta’ Split. Hu qal li għandhom biżżejjed żmien biex jippreparaw u jaħseb li jistgħu jorganizzaw avveniment eċċellenti. Il-Kroati jinsabu konvinti li minbarra l-partitarji tagħhom, eluf ta’ turisti li se jkunu fir-reġjun f’Lulju se jattendu l-kompetizzjoni u jimlew l-arena ġurnata wara l-oħra.