Lokali

Imfakkar Jum il-Bastun l-Abjad

Illum madwar id-dinja ġie mfakkar Jum il-Bastun l-Abjad.

F’din il-ġurnata madwar id-dinja jsiru attivitajiet sabiex jiżdied dejjem aktar l-għarfien dwar il-bżonnijiet ta’ persuni neqsin mid-dawl.

Bħal ma jsir kull sena, f’Malta il-Malta Society of the Blind organizzat mixja tul Triq ir-Repubblika, l-Belt Valletta.  Diversi persuni nieqsa mid-dawl flimkien ma’ familjari tagħhom ipparteċipaw f’din il-mixja.

Netnews.com.mt tkellem ma’ Frans Tirchett, viċi-president tas-Soċjeta’ Maltija għall-Persuni Neqsin mid-Dawl.  Hu spjegalna l-importanza ta’ nfrastruttura li tkun taħseb fil-bżonnijiet tal-persuni nieqsa mid-dawl kif ukoll dwar l-edukazzjoni tal-pubbliku.. Huwa qal li b’affarijiet sempliċi l-pubbliku in ġenerali jista’ jkun ta’ ħafna għajnuna.

Jekk persuna nieqsa mid-dawl ikollha bżonn taqsam triq fejn m’hemmx il-pelican lights, persuna li tara tista’ tgħinu biex jaqsam it-triq mingħajr biża.  Il-pubbliku jista jgħin ukoll meta jara persuna b’bastun abjad li tixtieq tuża t-trasport pubbliku billi jindikalu liema karozza jrid jirkeb.

Frans Tirchett għalaq billi appella lill-pubbliku sabiex ma jiddejjaqx joffri l-għajnuna lil min hu nieqes mid-dawl.