Lokali Temp

L-aktar Settembru sħun fl-aħħar 30 sena

Ix-xita matul Settembru kienet skarsa, kuntrarju għal Awwissu

Settembru, aktar sħun mill-medja klimatika ta’ dawn l-aħħar 30 sena, ġab fi tmiemu s-Sajf 2018.

It-temperaturi tal-arja varjaw bejn dik l-aktar baxxa ta’ 18.1˚Ċ, irreġistrata f’Settembru, għall-ogħla waħda ta’ 35.7˚Ċ, irreġistrata f’Lulju.

Il-jiem tas-sajf kienu mdawlin b’ammont tajjeb ta’ xemx, bix-xhur kollha jgawdu x-xemx għal medja ta’ 305.5 siegħa. Filwaqt li Lulju kien l-aktar xahar sajfi li matulu x-xemx iddiet, b’363.6 siegħa ta’ xemx, Settembru kien l-anqas xahar li ra dawl tax-xemx, b’223.5 siegħa ta’ xemx irreġistrati.

Ix-xita matul Settembru kienet skarsa wkoll, b’dan ix-xahar jilħaq biss l-4.1 mm ta’ preċipitazzjoni meta pparagunat mal-medja tax-xahar ta’ 58.1 mm. Madankollu, ix-xahar li għadda xorta waħda kien aktar imxarrab minn Settembru tal-1943, li għad għandu rrekord tal-aktar Settembru niexef, bl-ebda xita mkejla matul dak ix-xahar.

Il-preċipitazzjoni għall-istaġun kollu laħqet is-70 mm, b’madwar 76% minnha tinżel f’Awwissu u b’hekk rat lil dan ix-xahar ikun l-aktar wieħed imxarrab għas-sajf 2018.

Ir-rekords meteoroloġiċi juru li matul is-sajf kien hemm 10 ijiem bir-ragħad – jumejn minnhom f’Ġunju, tlieta f’Settembru u ħamsa f’Awwissu. Minkejja x-xita u r-ragħad, Awwissu kien l-aktar xahar tas-sajf kalm, bil-veloċità medja tar-riħ tlaħħaq is-6.9 mili nawtiċi. Min-naħa l-oħra, Ġunju kien l-aktar xahar bir-riħ, bil-veloċità tar-riħ tilħaq ilmedja ta’ 9.4 mili nawtiċi.