Lokali

L-industrija tal-biedja lokali f’riskju li tintilef

Iċ-ċokon tal-pajjiż, il-fatt li aħna maqtugħin minn pajjiżi oħra, il-problema ta’ spazju, il-popolazzjoni dejjem tikber u t-tibdil fil-klima huma kollha fatturi li qed ixekklu l-produzzjoni tal-ikel f’pajjiżna. Dan qalu l-Professur Everaldo Attard, mill-Institute of Earth Systems fi ħdan l-Uniersita’ ta’ Malta meta mistoqsji dwar il-limitazzjonijiet li għandha Malta fil-qasam tal-produzzjoni

Biex titjieb is-sitwazzjoni, hemm bżonn li nieħdu aktar ħsieb tal-biedja lokali billi art li mhux qed tintuża tiġi mgħotija lil bdiewa sabiex tiġi kkultivata.

Attard qal li bi ftit sforz mill-partijiet kollha kkonċernati, il-prodotti lokali jistgħu jingħataw spinta sabiex jitjieb kemm fil-kwalita’ kif ukoll fl-abbundanza. Huwa qal li hemm bżonn ta’ iktar inċentivi min-naħa tal-Gvern sabiex ikomplu jinkuraġġixxu l-bdiewa u r-raħħala sabiex ikomplu jinvestu f’danj il-qasam, l-aktar fid-dawl tad-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-bdiewa.

Mistoqsi dwar il-vijiabilita’ tal-biedja f’pajjiżna, Everaldo Attard qal li bosta bdiewa u raħħala qed jaraw lil uliedhom jitilqu dan ix-xogħol biex ikomplu jistudjaw f’oqsma oħra, u b’hekk hemm riskju reali li tintilef din l-industrija. Attard appella għall-apprezzament għat-tbatija u s-sagrifiċċji tal-bdiewa biex iwasslu l-prodott tagħhom fid-djar Maltin.

Hu temm jgħid li jekk tintilef din l-industrija tkun ħasra kbira l-aktar meta wieħed iqis li l-prodott lokali jibqa’ dejjem dak l-iktar ġenwin meta mqabbel ma’ prodott importat.