Futbol Sport

L-Ingilterra tirbaħ bi tliet gowls fl-ewwel taqsima

(Ritratt: EPA)

L-Ingilterra tat l-ewwel telfa lil Spanja f’darha għall-ewwel darba minn Ġunju tal-2003 bi prestazzjoni brillanti ta’ Sevilla u rebħa ta’ 3-2. L-Ingliżi daħlu jistrieħu tliet gowls minn fuq. Raheem Sterling fetaħ l-iskor fis-16-il minuta meta Marcus Rashford għadda tajjeb lill-plejer ta’ Manchester City li għeleb lil David de Gea b’xutt tajjeb għar-rokna, f’dak li kien l-ewwel gowl mal-Ingilterra fi tliet snin.

Marcus Rashford irdoppja l-iskor man-nofs siegħa wara li rċieva mingħand Harry Kane, biex Raheem Sterling għamilhom 3-0 tmien minuti wara, għal darba oħra b’assist ta’ Kane. Spanja ħarġet aħjar fit-tieni taqsima u fit-58 minuta kien is-sostitut Paco Alcacer li naqqas id-distakk b’daqqa ta’ ras għar-rokna.

Minkejja li attakkaw diversi drabi fejn kellhom okkażjonijiet perikolużi, u kien biss fis-97 minuta li l-Ispanjoli skorjaw it-tieni gowl b’daqqa ta’ ras ta’ Sergio Ramos, iżda r-referee Pollakk Szymon Marciniak saffar tmiem il-partita ma’ dan il-gowl.

Mill-Grupp A2, l-Iżlanda kompliet tiddiżappunta meta sfat megħluba f’darha mill-Iżvizzera 2-1 biex it-tielet telfa konsekuttiva fissret relegazzjoni għal Diviżjoni B. Protagonist għat-tim Żvizzeru kien il-gowlkiper Yvon Mvogo li ċaħħad diversi tentattivi tal-Iżlandiżi fosthom Gylfi Sigurdsson. Daqqa ta’ ras ta’ Haris Seferovic fit-52 minuta u gowl ta’ Michael Lang kwarta wara, taw vantaġġ doppju lill-Iżvizzeri. Gowl mill-isbaħ ta’ Alfred Finnbogason naqqas id-distakk fil-81 minuta, iżda ma sabux past biex jiskorjaw lil Mvogo.

Minn Diviżjoni B Grupp 3, il-Bożnja fetħu vantaġġ komdu ta’ sitt punti fil-quċċata tal-grupp b’rebħa kontra l-Irlanda ta’ Fuq. L-eroj tagħhom kien l-attakkant Edin Dzeko li l-ewwel fetaħ l-iskor fis-27 minuta biex irdoppja fit-73 minuta, bl-Irlanda ta’ Fuq issofri t-tielet telfa konsekuttiva.

Il-Finlandja trid biss punt mill-aħħar żewġ logħbiet tagħha biex tassigura li tirbaħ il-grupp u promozzjoni f’Diviżjoni B, bir-raba’ rebħa konsekuttiva fi Grupp 2. Huma rebħu 2-0 kontra l-Greċja biex għar-raba’ logħba konsekuttiva ma sofrewx gowl. Pyry Soiri fetaħ l-iskor 52 sekonda mill-ftuħ tat-tieni taqsima u Glen Kamara għalaq il-logħba fid-89 minuta.

Mill-istess grupp, l-Estonja u l-Ungerija spiċċaw fi draw ta’ 3-3. Siim Luts fetaħ l-iskor favur l-Estonja fl-20 minuta, iżda Dominik Nagy wieġeb mill-ewwel u ġab id-draw erba’ minuti wara. Adam Szalai poġġa lit-tim Ungeriż minn fuq fl-54 minuta, iżda awto-gowl ta’ Mate Patkai kwarta wara għamilhom 2-2. Henri Anier għamilhom 3-2 favur l-Estonja fid-79 minuta, iżda reġa’ kien Adam Szalai li ġab id-draw żewġ minuti wara.

F’Diviżjoni D, il-Lussemburgu reġgħet tinsab fil-quċċata ta’ Grupp 2 b’rebħa ta’ 3-0 fuq San Marino. Gowl wara erba’ minuti wara David Turpel witta t-triq għar-rebħa, b’Alex Gasperoni jitkeċċa għal San Marino disa’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima. Daniel Sinani rdoppja fil-65 minuta, biex tmien minuti wara Vincent Thill għamilom tlieta. Fl-istess grupp, il-Belarus u l-Moldova ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ 0-0.

Riżultati

Diviżjoni A Grupp 2 – Iżlanda v Żvizzera 1-2

Diviżjoni A Grupp 4 – Spanja v Ingilterra 2-3

Diviżjoni B Grupp 3 – Boznja v Irlanda ta’ Fuq 2-0

Diviżjoni Ċ Grupp 2 – Estonja v Ungerija 3-3 , Finlandja v Greċja 2-0

Diviżjoni D Grupp 2 – Belarus v Moldova 0-0 , Lussemburgu v San Marino 3-0