Sport Sport Ieħor

Malta tipparteċipa fit-tieni edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tat-Teqball

Matthew Caruana u Anthony Mamo bil-flokkijiet bojod wara l-logħba kontra t-tim Taljan

Fi tmiem il-ġimgħa Matthew Caruana u Anthony Mamo pparteċipaw fit-tieni edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja organizzata mill-FITEQ li saret f’Reims. Il-Kampjonat kien jikkonsisti fi 42 plejers li kienu mqassma f’sitt grupp ta’ ħames plejers u żewġ gruppi ta’ sitt plejers. Żewġ plejers għaddew minn kull grupp biex mill-fażi tal-aħħar 16 il-format inbidel f’knock-out.

Fil-fażi tal-gruppi, il-logħbiet intlagħbu fuq set bil-plejer rebbieħ irid jilħaq l-20 punt. Fil-fażi tan-knock-out il-logħba tiżdied għall-aqwa minn tliet sets. Jekk il-logħba tkun deċiża bl-aħħar sett, ir-rebbieħ irid jirbaħ b’differenza tal-anqas żewġ punti.

Iċ-champion nazzjonali Matthew Caruana kien l-uniku plejer Malti li kkompeta fl-individwali. Hu lagħab erba’ logħbiet u rebaħ waħda minnhom. Hu beda b’telfa kontra ta’ 20-12 kontra l-Ungeriż Arpad Sipos li inċidentalment spiċċa fit-tieni post fit-tournament kollu.

Caruana rebaħ it-tieni logħba 20-16 kontra r-rebbieħ tal-freestyle fir-Renju Unit Ben Nuttall, u fit-tielet logħba kellu bidu tajjeb meta ħa vantaġġ ta’ 4-0. Iżda l-plejer mill-Kamerun Laurent Mbassa rkupra u spiċċa rebaħ 20-8.

Fir-raba’ u l-aħħar logħba, il-plejer Malti kellu ċans jgħaddi mill-grupp kieku għeleb lil Duarte Menezes iżda għal darba naqas li jżomm il-bidu pożittiv, bil-Portugiż jirkupra u permezz tal-istabbiltà difensiva rebaħ 20-11.

Kif Spiċċaw

                                     L          R         T          F          K         Pti

Árpád Sipos                 4          4          0          80        26        8

Duarte Menezes          4          3          1          65        50        7

Laurent Mbassa          4          2          2          59        57        6

Matthew Caruana       4          1          3          51        76        5

Ben Nuttall                  4          0          4          34        80        4

Matthew Caruana lagħab ukoll fit-tournament tal-koppji ma’ Anthony Mamo li s-sena l-oħra wasal sal-kwarti tal-finali. Huma lagħbu fi Grupp B li kien jinvolvi liċ-champions tad-dinja tad-doubles ir-Rumanija, l-Italja, il-Lussemburgu u d-debuttanti l-Iżvezja.

L-ewwel logħba kontra r-Rumanija kienet diffiċli tant li l-plejers Maltin tilfu 20-6 kontra tim li eventwalment rebaħ il-midalja tal-bronż. It-tieni logħba kontra l-Lussemburgu kienet importanti għat-tim Malti iżda wara li kellhom bidu tajjeb, diversi żbalji lejn it-tmiem waslu biex Caruana u Mamo tilfu 20-17.

Malta rebħet it-tielet logħba kontra l-Iżvezja 20-10, tim li kien l-aktar dgħajjef fil-grupp, tant li ħadu vantaġġ tajjeb mill-bidu u żammew il-konsistenza sat-tmiem. Minħabba riżultati oħra fil-grupp, it-tim Malti kien għad kellu ċans li jgħaddi mill-grupp iżda Caruana u Mamo kellhom bżonn jegħlbu lit-tim Taljan magħmul mill-veterani Maurizio Galli (eks champion tal-Beach Soccer) u l-leġġenda tas-Serie B tal-futbol Emiliano Salvetti.

Il-plejers Maltin bdew tajjeb u wieġbu għal kull punt tal-avversarji iżda l-kontroll tal-ballun tat-Taljani kien superjuri hekk kif ikkontrollaw l-attakki tal-Maltin, kisbu vantaġġ komdu u rebħu 20-9.

Kif Spiċċaw

                                                        L          R         T          F          K      Pti

S. Ilyes/Z. Lazar                              4          4          0          80        25        8

M. Galli/E.Salvetti                          4          3          1          72        36        7

P. Ferreira/L. Luca                         4          2          2          46        64        6

M. Caruana/A. Mamo                    4          1          3          52        70        5

E. Gustafsson/D. Johansson        4          0          4          25        80        4

Tags