Futbol Sport

“Montella f’Malta” – L-istorja esklussiva ta’ Net News ikkwotata fl-Italja

Wara li l-ġimgħa li għaddiet dan is-sit ħabbar b’mod esklussiv li l-eks plejer u kowċ Vincenzo Montella kien f’Malta, biex jistudja l-Ingliż, din l-istorja issa qed tiġi kkwotata wkoll fl-Italja.

Is-sit FiorenzaViola.it, sit awtorevoli li jiġbor l-istejjer dwar il-klabb ta’ Fiorentina, ikkwota lil dan is-sit u ħabbar li Montella kien fost dawk ikkunsidrati għat-tmexxija tal-iskwadra ta’ AS Monaco. Dan qabel intagħżel il-leġġenda ta’ Franza Thierry Henry.

L-istess sit jikkwota lil NetNews.com.mt meta jgħid li sadattant Montella kien qiegħed f’Malta biex jistudja l-Ingliż. Iż-żjara ta’ Montella kienet waħda privata u ma tħabbritx qabel dan is-sit interċettah hu u dieħel għal lezzjoni tal-Ingliż f’San Ġiljan.

Ara l-aħbar kif rappurtata minn FirenzeViola.it: https://www.firenzeviola.it/ex-viola/montella-a-malta-per-un-corso-d-inglese-276557

Sadattant ir-ritratt ippubblikat minn dan is-sit ittieħed u ġie manipulat ukoll minn partitarji ta’ AC Milan, li tagħhom Vincenzo Montella kien kowċ. Ir-ritratt inbidel b’mod umoristiku u xtered fi gruppi internazzjonali ewlenin fuq Facebook, li jgħoddu eluf ta’ membri, biex il-partitarji nnutaw kemm inbidel Montella kif ukoll il-fatt li l-leħja li qed iħalli kemxejn twila ttih xeħta ta’ raġel ikbar mill-44 sena li għandu l-eks internazzjonali tal-Italja.