Lokali

Mozzjoni urġenti biex issir inkjesta indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew dan l-aħħar, Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia t-Tnejn filgħaxija ppreżenta mozzjoni urġenti lill-Ispeaker tal-Kamra fejn qed jitlob lill-Prim Ministru jordna inkjesta ndipendenti dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan sabiex jiġi stabbilit fost l-oħrajn jekk dan id-delitt setax jiġi evitat.

Il-mozzjoni titlob li jitwaqqaf bord li jkun magħmul minn perusni ta’ integrita’ maħtura mill-Prim Ministru iżda b’vot favur ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-Kamra.

L-Oppożizzjoni qed titlob ukoll li l-bord tal-inkjesta’ jingħatalu l-mezzi u r-riżorsi kollha meħtieġa sabiex ikun jista jagħmel xogħolu sewwa.

Il-mozzjoni, li tressqet bi qbil unanimu mill-membri kollha tal-Oppożizzjoni, qed titlob ukoll għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali.

Il-mozzjoni tressqet lill-ispeaker Anġlu Farrugia mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, mid-Deputat Karol Aquilina u mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar f’isem id-Deputati Nazzjonalistai kollha.