Futbol Sport

Partitarji Maltin insultati u intimidati fl-Ażerbajġan

Jekk id-draw ta’ 1-1 fl-Olympic Stadium ta’ Baku niżel tajjeb ma’ ħafna mid-dilettanti tal-futbol f’pajjiżna, mhux l-istess jista’ jingħad għall-poplu tal-Ażerbajġan li żgur ippretendew li joħorġu mil-logħba bit-tliet punti kontra avversarju bħal Malta li hu anqas kwotat minnhom. Dan wassal biex partitarji tal-Ultras ta’ Qarabag saħansitra marru biex jisirqu l-armar tas-South End Core.

F’post fuq facebook, wieħed mill-partitarji akkaniti tat-tim nazzjonali Malti Dillon Mercieca ddeskriva li kellhom “battalja fuq l-istands li ma stennewx.” Mercieca qal li fil-ħin tal-mistrieħ, membri tal-Ultras tal-klabb Ażeri Qarabag FK telqu mill-curva u marru ħdejhom. Hu kompla li ma jafx kif għaddew mis-sigurtà kollha u spiċċaw ħdejhom, fejn bdew jinstigawhom b’diversi mossi.

Dillon Mercieca kompla jgħid li mad-90 minuta daru għall-armar li kellhom is-South End Core u rnexxielhom jieħdu waħda biss. Hu qal li niżlu bl-eskorta tal-pulizija fejn sabuhom jistennewhom barra u jitkarrbu għax-xalel. Mercieca stqarr li din hi r-realtà li huma jsibu quddiem wiċċhom meta jmorru jagħtu l-appoġġ lit-tim nazzjonali Malti barra l-pajjiż.