Kmieni dalgħodu, il-vapuri tal-Gozo Channel kienu jinsabu weqfin. Diversi Għawdxin infurmaw lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Net News illi skont l-informazzjoni li ingħataw, il-ħaddiema ħarġu fuq strajk.
Il-kumpanija kellha żewġ vapuri marbutin iċ-Ċirkewwa, u l-ieħor li kien hemm l-Imġarr ma kienx qed jgħabbi karozzi.
“Hawn kju twil. Il-vapur tas-7am s’issa ma telaqx”, qalulna n-nies li tkellmu magħna. Fil-fatt, kellhom idoqqu t-8am biex dehru l-ewwel movimenti fil-port tal-Imġarr, bil-vapur li kien skedat jitlaq aktar minn siegħa u 15-il minuta wara. Dan ikkawża skariġġ kbir għall-ħaddiema Għawdxin u l-istudenti li kienu qed jaqsmu lejn Malta.
Kelliem għal UĦM Voice of the Workers spjegalna kif huma ilhom ix-xhur jippruvaw isibu soluzzjoni għal sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema, fejn ħaddiema tal-Gozo Channel u oħrajn tal-kuntrattur li qed jagħmlu l-istess xogħol għandhom pagi u kundizzjonijet differenti.
Minkejja tentattivi mill-Union sabiex jintlaħaq ftehim mill-aktar fis possibbli, jidher li l-partijiet konċernati m’għandhomx interess li din is-sitwazzjoni tiġi riżolta. Il-Uunion saħansitra talbet li hekk kif ssir laqgħa urġenti għada t-Tlieta, iżda minflok ġiet aċċettata din il-proposta, il-Gozo Channel qabbd l-ħaddiema tagħhom jagħmlu x-xogħol tal-ħaddiema tal-kuntratturi.
Net News hu nfurmat ukoll li l-ħaddiema kellhom laqgħa lbieraħ rigward il-pagi u l-kundizzjonijiet, liema laqgħa intemmet mingħajr qbil.
//= $special ?>