Franza kisbet it-tieni rebħa f’Diviżjoni A Grupp 1 meta dawret telfa f’rebħa biex għelbet lit-tim nazzjonali Ġermaniż 2-1. Dan ir-riżultat fisser li l-Ġermanja ma tistax tikkwalifika għall-fażi finali tal-UEFA Nations League u fl-istess ħin tinsab qrib li tkun relegata.
Il-Ġermanja fetħet l-iskor fl-14-il minuta meta Paul Pogba tilef il-ballun u wassal għal attakk fuq il-lemin tal-Ġermanja, bil-kross ta’ Leroy Sane jaħbat ma’ id Presnel Kimpembe, bir-referee Milorad Mazic jordna penalty. Mill-11-il metru, Toni Kroos għeleb lil Hugo Lloris b’xutt li l-gowlkiper Franċiż seta’ biss imiss.
Franza ġabet id-draw fit-62 minuta bi kross ta’ Lucas Hernandez isib lil Antoine Griezmann li b’daqqa ta’ ras mill-isbaħ fir-rokna tax-xibka għeleb lil Manuel Neuer. It-tim ta’ Didier Deschamps ingħata penalty fit-80 minuta li spiċċa biex iddeċieda l-logħba. Ir-referee Mazic ordna penalty għal fawl ta’ Mats Hummels fuq Blase Matuidi. Mill-11-il metru Antoine Griezmann għeleb lil Neuer.
Minn Diviżjoni B Grupp 1, l-Ukrajna assigurat il-promozzjoni bit-tielet rebħa minn tliet logħbiet din id-darba rebħa ta’ 1-0 fuq ir-Repubblika Ċeka. It-tieni gowl f’żewġ logħbiet ta’ Ruslan Malinovskyi fit-43 minuta kien deċiżiv.
Wales telgħet fil-quċċata ta’ Grupp 4 b’rebħa ta’ 1-0 kontra l-Irlanda. Free-kick mill-isbaħ ta’ Harry Wilson fit-58 minuta ddeċieda l-logħba. Wales ikunu promossi jekk jegħlbu lid-Danimarka f’darhom ix-xahar id-dieħel.
In-Norveġja tinsab fl-ewwel post ta’ Diviżjoni Ċ Grupp 3 b’differenza ta’ gowls, wara li assigurat is-seba’ rebħa konsekuttiva f’Ullevaal Stadion, b’rebħa ta’ 1-0 fuq il-Bulgarija. Mohamed Elyounoussi ta r-rebħa meritata lin-Norveġja b’gowl ftit wara s-siegħa logħob wara kross ta’ Omar Elabdellaoui.
Mill-istess grupp, is-Slovenja u Ċipru spiċċaw 1-1. Il-gowl fit-82 minuta ta’ Nejc Skubic żamm it-tamiet tas-Slovenja li tevita r-relegazzjoni. Fotis Papoulis kien poġġa lil Ċipru minn fuq qabel tmiem l-ewwel taqsima. F’din il-logħba tkeċċew tliet plejers.
Minn Diviżjoni D, Georgia assigurat il-promozzjoni u tal-anqas post fil-play-off tal-Euro 2020 bir-raba’ rebħa. Il-gowls fir-rebħa ta’ 3-0 ta’ Georgia fuq il-Latvja waslu minn Jaba Kankava, Valerian Gvilia u Giorgi Chakvetadze. Mill-istess grupp, il-Kazakhstan temmet it-tamiet żgħar tal-Andorra li tikkwalifika b’rebħa komda ta’ 4-0.
Minn Grupp 4 spikkat ir-rebħa ta’ Ġibiltà fuq Liechtenstein 2-1. Żewġ gowls minn daqqiet ta’ ras bejn il-61 u s-66 minuta ta’ George Cabrera u Joseph Chipolina biex ikkanċellaw il-gowl ta’ Dennis Salanovic. Fil-logħba l-oħra, il-Maċedonja tilfet ir-rekord perfett, b’telfa ta’ 4-0 kontra l-Armenja.
Riżultati
Diviżjoni A Grupp 1 – Franza v Ġermanja 2-1
Diviżjoni B Grupp 1 – Ukrajna v Repubblika Ċeka 1-0
Diviżjoni B Grupp 4 – Irlanda v Wales 0-1
Diviżjoni Ċ Grupp 3 – Norveġja v Bulgarija 1-0 , Slovenja v Ċipru 1-1
Diviżjoni D Grupp 1 – Kazakhstan v Andorra 4-0 , Latvja v Georgia 0-3
Diviżjoni D Grupp 4 – Armenja v Maċedonja 4-0 , Ġibiltà v Liechtenstein 2-1
//= $special ?>