Internazzjonali

Il-Brexit: L-ebda żblokk dwar il-fruntiera Irlandiża

Naqsu t-tamiet li s-summit tal-Unjoni Ewropea li se ssir għada għandu jixpruna t-taħditiet dwar il-Brexit, fl-aħjar interessi tar-Renju Unit u ta’ dan il-grupp ta’ pajjiżi. Dan meta fadal għal ftehim dwar ‘l-iżviluppi’ relatati għall-kwistjoni tal-fruntiera Irlandiża.

L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit kienu qed jittamaw li l-progress kien tant li, ix-xahar id-dieħel, jista’ jissejjaħ summit speċjali bil-għan li jiffinalizza t-termini dwar il-ħruġ tal-Britanniċi mill-Unjoni. Iżda issa, il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, qal li ‘ma għandu l-ebda bażi għal ottimiżmu’ li jista’ iseħħ xi żblokk importanti.

Min-naħa tagħha, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, infurmat lill-Kabinett li hi għadha qed tittama li jintlaħaq ftehim sodisfaċenti dwar il-Brexit ma’ Brussell.

Meta indirizzat laqgħa tal-Kabinett, May spjegat li ma setgħetx taqbel dwar kwalunkwe ftehim li jista’ joħloq fruntiera ġdida bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-kumplament tar-Renju Unit.Theresa May kompliet li hi lanqas ma tista’ taċċetta ftehim li ‘jagħlaq’ lir-Renju Unit fi ftehim doganali mal-UE fuq perjodu ta’ żmien indefinittiv – u meta ‘dawn ix-xenarji’ ikunu l-konsegwenza tal-proposti (attwali) mill-UE fuq il-mejda.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, waqt din il-laqgħa f’Londra, stinkat biex taċċerta mill-appoġġ tal-ministri ewlenin għall-pożizzjoni tagħha, fost rapport li ‘tmien ministri’ kienu ltaqgħu, nhar it-Tnejn, biex jesprimu ‘tħassib dwar is-sitwazzjoni ma’ Brussell’.

Intant, is-sorsi fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Downing Street (Londra) qalu li ħadd fost it-tmienja – Dominic Raab, Jeremy Hunt, Michael Gove, Penny Mordaunt, Chris Grayling, Liz Truss, Andrea Leadsom u Geoffrey Cox — ma heddew ‘li jirriżenjaw’ waqt din il-laqgħa tal-Kabinett ‘u fejn deher ċar l-appoġġ qawwi għal Theresa May’.