Internazzjonali

L-aħbar dwar it-tqala ta’ Meghan iżżid l-entużjażmu għaż-żjara rjali fl-Awstralja

L-aħbar li Meghan, id-Dukessa ta’ Cambridge, hi tqila ntlaqgħet b’entużjażmu kbir fir-Renju Unit, kif ukoll fl-Awstralja, fejn Meghan u żewġha, il-Prinċep Harry għaddejjin bl-ewwel tour tagħhom, bħala koppja, ’il hinn mir-Renju Unit.

Waqt il-mawra tagħhom f’Sydney, il-koppja rjali ngħataw l-ewwel fost ‘ammont kbir ta’ rigali’ għat-tarbija (li mistennija titwieled fir-rebbiegħa) mingħand il-Gvernatur-Ġenerali tal-Awstralja, Sir Peter Cosgrove u martu. Intant, il-Prinċep Harry ma naqasx milli jirringrazzja lin-nies għall-merħba kbira li huma taw lilu u lil martu u sostna li ‘hu u Meghan ma setgħux għażlu post aħjar biex jiżvelaw l-aħbar dwar it-tarbija’.

Il-programm tal-aħħar sigħat għall-koppja rjali f’Sydney kien jinkludi żjara fit-Taronga Zoo, b’Harry u Meghan, imbagħad, jiltaqgħu mal-folol, fl-inħawi tal-Opera House,waqt meet the people walk fl-inħawi. Huma kienu preżentati bi fjuri, soft toys u rigali oħra mingħand dawk preżenti, fosthom mara ta’ 98 sena, bl-isem ta’ Daphne Dunne, li Harry u Meghan avviċinaw u damu jkellmuha għal żmien.

Sadattant, kien irrappurtat li l-programm ta’ żjarat għad-Duka u d-Dukessa ta’ Cambridge ma nbidilx minkejja l-avviż biex in-nisa tqal ma jivvjaġġawx lejn Fiji u Tonga minħabba s-sogru tal-virus taz-Zika. Dan waqt li kelliema għall-Palazz ta’ Kensington qalu li ‘qed jittieħdu l-pariri mediċi kollha fiċ-ċirkustanzi’.

Minbarra l-Awstralja, Harry u Meghan se jżuru wkoll New Zealand, Fiji u Tonga.