Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, qal li l-Awstralja se tikkunsidra li tirrikonoxxi lil Ġerusalemm bħala l-belt kapitali ta’ Iżrael. Intant, Morrison kompla li pajjiżu, f’dan il-każ, għandu jmexxi l-ambaxxata (Iżraeljana) tiegħu minn Tel Aviv lejn din il-belt antika.
F’każ ta’ konferma, fil-jiem li ġejjin, l-Awstralja tkun qed issegwi l-passi tal-Istati Uniti li f’Mejju konkludiet ir-rilokazzjoni tal-ambaxxata tagħha (minn Tel Aviv) f’Ġerusalemm.
Intant, il-Prim Ministru Morrison għamilha ċara wkoll li l-Awstralja tibqa’ impenjata favur soluzzjoni ‘ta’ żewġ Stati’ fil-kwistjoni bejn Iżrael u l-Palestinjani. Hu kompla li għandu jikkonsulta mal-Kabinett ‘u ma’ pajjiżi oħra’ qabel jieħu xi deċiżjoni konkreta.
Madankollu, l-avversarji politiċi ta’ Morrison sostnew li l-kummenti tiegħu ‘kienu kollha parti minn tattika qarrieqa’ biex hu jirbaħ il-voti qabel by-election kruċjali li se ssir dalwaqt fl-Awstralja.
Fl-istess ħin hemm ukoll il-possibbiltà li l-Awstralja, ‘il quddiem, tasal biex tirrikonoxxi belt kapitali għall-Awtorità Palestinjana fil-Lvant ta’ Ġerusalemm u kapitali għall-Iżraeljani f’Ġerusalemm tal-Punent.
L-istatus ta’ Ġerusalemm hu fost l-aktar issues ikkuntestati u polemikużi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani u ilu għexieren ta’ snin punt ta’ diżgwid bejn il-komunitajiet rivali.
Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, is-sena l-oħra, spiċċa mira għal kritika qawwija meta warrab minn politika barranija li l-Amerikani kienu ilhom jeżerċitaw għal snin biex jirrikonoxxi lill-belt ta’ Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael.
//= $special ?>

