L-investituri ġodda ta’ Valletta Sanban Business Investment iridu jibnu villaġġ sportiv b’investiment ta’ €250 miljun. Sostna dan il-President ta’ Valletta Victor Sciriha f’intervista li hu flimkien ma’ Ali Mohamed Saeed f’isem Sanban Business Investment kellhom ma’ Replay.
Illum, iż-żewġ persuni kellhom laqgħa mal-Awtorità tal-Ippjanar dwar il-proġett tal-grawnd il-ġdid ta’ Valletta. Il-pjan tal-investituri Għarab hu li jinbena villaġġ sportiv li ma jkunx biss fih stadium, iżda infrastruttura sħiħa li tinkludi, lukanda, ristorant, gym, kumpless tal-futsal u grawnds oħra għall-akkademja tat-tfal.
Iżda l-President ta’ Valletta qal li fil-laqgħa ma kienx hemm aħbarijiet pożittivi fejn sostna li marru pass lura għaliex il-permess li lesta tagħti l-Awtorità hu biss għal bini ta’ stadium, minħabba li l-art fejn qed jiġi propost li jinbena dan il-villaġġ sportiv hi ODZ. Sciriha awgura li l-affarijiet jitranġaw, għaliex il-proġett kemm-il darba jseħħ, mistenni jkun ta’ ġid kbir għall-isport lokali.
Bolt qed jagħmel evalwazzjoni tal-offerta
Intant, kien konfermat li s-sidien il-ġodda ta’ Valletta qed jistennew risposta mingħand l-aġent ta’ Usain Bolt dwar il-kuntratt ta’ sentejn li kien offrut lilu. Kemm Victor Sciriha kif ukoll li Ali Mohamed Saaed ikkonfermaw li jinsabu f’diskussjonijiet magħhom u jinsabu fiduċjużi li jistgħu jilħqu ftehim biex Usain Bolt jikseb l-ewwel kuntratt professjonali u jibda jilgħab f’pajjiżna.
Bolt li rtira mill-atletika s-sena l-oħra, dejjem sostna li xtaq jagħmel karriera wkoll fil-futbol. Fl-aħħar xhur hu kellu diversi provi ma’ klabbs bħal Borussia Dortmund. Bħalissa hu jinsab bi prova mat-tim tal-A-League fl-Awstralja Central Cost Mariners, fejn saħansitra l-Ġimgħa skorja doppjetta f’partita ta’ ħberija. Din l-aħbar inxterdet ma’ diversi siti sportivi ta’ fama mondjali.
//= $special ?>