Internazzjonali

Pressjoni akbar għall-Arabja Sawdija dwar l-għajbien tal-ġurnalista Khashoggi

Żdiedet il-pressjoni fuq l-Arabja Sawdija biex tispjega d-destin tal-ġurnalista Jamal Khashoggi li ilu ma jidher mindu kien żar il-konsulat Sawdi ta’ Istanbul ( fit-Turkija) madwar ġimgħatejn ilu.

Sadanittant, is-Segretarju tal-Istat, Mike Pompeo, iltaqa’, f’Riyadh, mar-Re Sawdi Salman u waqt li ma ngħatawx dettalji ċari, id-Dipartiment tal-Istat Amerikan sostna li Pompeo ‘irringrazzja, fost oħrajn, lir-Re għall-impenn tiegħu biex issir investigazzjoni trasparenti u bir-reqqa fil-każ ta’ Khashoggi’.

Uffiċjali fit-Turkija jemmnu li Jamal Khashoggi spiċċa maqtul minn aġenti Sawdi fil-konsulat ta’ Istanbul, iżda t-Tmexxija tal-Arabja Sawdija qed tiċħad bil-qawwi għal din l-allegazzjoni.

Madankollu, il-media tal-Istati Uniti rappurtat li s-Sawdi ‘jistgħu qed iħejju biex jammettu li Jamal Khashoggi miet b’mod mhux intenzjonat u b’riżultat ta’ interrogazzjoni’.

Hu minnu wkoll li l-pulizija Torka, fil-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta, ikkonkludiet tfittxija fil-konsulat ta’ Istanbul wara li ngħatat permess mill-awtoritajiet Sawdi.

Meta tkellem dwar il-każ, il-President Amerikan Donald Trump qal li meta ddiskuta s-sitwazzjoni mar-Re Sawdi, Salman ċaħad bil-qawwi u b’mod kategoriku li jaf b’xi ħaġa li seta’ għaddha minnha l-ġurnalista (Khashoggi).

Jamal Khashoggi – magħruf bħala kritiku kbir tal-Gvern Sawdi u li kiteb l-artikli għall-Washington Post – kien deher għall-aħħar darba waqt li kien qed jimxi lejn il-konsulat Sawdi f’Istanbul fit-2 ta’ Ottubru. Xi rapporti qed jissuġġerixxu li hu kien spiċċa ‘aggredit fil-konsulat’ waqt li kien qed jistenna għal dokumenti relatati maż-żwieġ tiegħu programmat għal aktar ‘il quddiem.

Il-misteru dwar id-destin tal-ġurnalista Sawdi hu każ delikat għall-aħħar meta wieħed iqis ir-relazzjonijiet b’saħħithom bejn l-Istati Uniti u Riyadh.

Aktar tard illum, is-Segretarju Pompeo ltaqa’ wkoll mal-Prinċep Sawdi Mohammed bin Salman f’Riyadh, waqt li ssemmiet il-possibbiltà li hu jżur it-Turkija fis-sigħat segwenti.