Il-kwistjoni tal-konnettivita’ bejn Għawdex u Malta tqajjmet mill-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA) hekk kif ġew preżentati l-proposti ta’ qabel il-Budget – proposti li jikxfu kemm hi kbira l-ħtieġa li jittieħdu azzjonijiet urġenti mill-Gvern b’risq Għawdex. Dan fid-dawl tal-fatt illi fl-aħħar xhur, kien hemm ukoll kritika iddur – anke qalb nies fil-qalba tal-Ministeru għal Għawdex – illi l-Għawdxin qed jiġu totalment minsija.
Il-GTA qed tappella lill-Gvern biex immedjatament jibda jaħdem ħalli jinġieb ir-reba’ vapur tal-Gozo Channel, tinstab alternattiva għall-air strip u jsiru diskussjonijiet ma’ dawk li jidhru interessati joffru servizz ta’ ħelikopter bejn iż-żewġ gżejjer.
Proposta oħra hi li tkun riveduta s-sistema tal-biljetti tal-Gozo Channel bil-għan li tkun aktar vantaġġuża għal min juża dan is-servizz regolarment.
Fil-proposti ta’ qabel il-Budget il-GTA qed tgħid illi hemm bżonn ta’ reviżjoni fir-rati tal-VAT għall-akkomodazzjoni sabiex dawn jitnaqqsu.
Mill-istess proposti joħroġ fatt kurjuż; il-Pjan tal-Għaddasa li tfassal aktar minn 10 snin ilu qatt ma ġie implimentat, u allura l-Gvern ħella kważi żewġ leġislaturi b’dawn il-proposti fuq l-ixkaffa.
//= $special ?>