Futbol Sport

Silvio Vella mistenni jżomm l-istess formazzjoni li għelbet lill-Ungerija

(Ritratt: Joe Borg)

Wara r-rebħa tal-Ġimgħa kontra l-Ungerija, illum it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena jilgħab l-aħħar logħba minn Grupp 6 mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew b’konfront kontra Ċipru.

F’konferenza stampa lejliet il-konfront, il-kowċ nazzjonali Silvio Vella tkellem dwar l-atmosfera pożittiva li teżisti fil-preżent kemm fl-istaff tekniku u speċjalment fil-plejers. Ir-rebħa kontra l-Ungerija nisslet fiduċja ġdida u tappnet ftit id-diżappunti tat-tmien telfiet preċedenti fil-grupp.

Vella semma l-aspett psikoloġiku li ħadem fuqu hu flimkien mal-assistent Noel Turner u l-istaff tiegħu. Din se tkun l-aħħar partita għal diversi plejers Maltin li jaqbżu l-kategorija ta’ taħt il-21 sena.

Silvio Vella mistenni jżomm l-istess formazzjoni li għelbet lit-tim Ungeriż, bl-unika dubju hu d-difensur Karl Micallef li weġġa’ ftit. Fuq in-naħa l-oħra t-tliet plejers li lagħbu mat-tim nazzjonali A, Jake Grech, Juan Corbolan u Joseph Mbong mhux mistennija jkunu inklużi minkejja li huma eliġibbli.

Tħabbar ukoll li t-tim il-ġdid ta’ taħt il-21 sena se jilgħab żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra l-Albanija f’Tirana f’Novembru.

 

Illum

Centenary Stadium

Malta v Ċipru      5.00pm