Is-sit espn.com żvela li l-Ġamajkan Usain Bolt ġie offrut kuntratt ta’ sentejn biex jilgħab maċ-champions lokali Valletta. Id-Direttur Maniġerjali ta’ Valletta Ghasston Slimen qal lil ESPN li jittamaw li jiffirmaw lit-tmien darbiet rebbieħ Olimpiku fil-ħin biex jilgħab fis-Super Cup kontra Balzan fit-13 ta’ Diċembru.
“Rebbieħ hu dejjem merħba u ma’ Valletta F.C. nemmnu li xejn mhu impossibbli,” qal Slimen. L-Aġent ta’ Bolt Tony Rallis li qed jirrappreżenta lil Bolt sakemm qiegħed l-Awstralja, qal lill-istazzjon ESPN li hemm klabb fl-Ewropa li offra kuntratt ta’ sentejn lil Bolt. Hu ddeskriva dan il-klabb li għandu sidien ġodda u qed jaspiraw li jilagħbu fiċ-Champions League.
Usain Bolt bħalissa jinsab bi prova mat-tim Awstraljan li jilgħab fl-A-League Central Coast Mariners fejn saħansitra skorja doppjetta l-Ġimgħa f’partita ta’ ħbiberija fil-pre-season. Minn meta rtira mill-atletika fl-2017, Bolt dejjem wera x-xewqa li jikseb kuntratt professjonali biex ikollu karriera fil-futbol.
Ftit ġimgħat ilu, Sanban Group iffirma kuntratt mal-President Victor Sciriha u l-Viċi President Alexander Fenech biex jidħlu fit-tim Belti, fejn stqarrew li l-għan prinċipali tagħhom hu li Valletta javvanzaw sal-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Central Coast Mariners Shaun Mielekamp qal lill-istazzjon ESPN li minkejja li skorja doppjetta, għadu kmieni biex ikun deċiż jekk il-Ġamajkan ta’ 32 sena jkunx offrut kuntratt ta’ sentejn mal-klabb Awstraljan.
//= $special ?>