Lokali Unjoni Ewropea

Adrian Delia fis-summit tal-Partit Popolari Ewropew

Jiltaqa' maż-żewġ kandidati tal-PPE għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia llum attenda għas-summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li sar fi Brussell. Adrian Delia tkellem ma’ Kapijiet ta’ Stat u Gvernijiet kif ukoll ma’ mexxejja oħra tal-Oppożizzjoni tal-partiti membri fil-PPE.

Adrian Delia ltaqa’ wkoll maż-żewġ kandidati tal-PPE għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, Manfred Weber u Alexander Stubb. Kemm Weber kif ukoll Stubb indirizzaw is-summit.

Fuq l-aġenda tad-diskussjoni l-kapijiet iddiskutew is-saltna tad-dritt u d-difiża tal-fruntieri Ewropej, fl-isfond tal-isfida tal-immigrazzjoni irregolari, li tolqot direttament lil Malta, kif ukoll il-Kungress tal-PPE li jmiss, li se jsir f’Ħelsinki x-xahar id-dieħel.

Preżenti kien hemm il-President tal-PPE Joseph Daul preżenti kien hemm ukoll il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani.

Fil-bidu tas-summit, Adrian Delia talab lill-mexxejja l-oħra biex jingħaqdu miegħu għal minuta silenzju bħala tifkira tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’għeluq is-sena mill-qtil tagħha.

Takkumpanja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien hemm is-Segretarju Internazzjonali tal-partit Roselyn Borg Knight.