Il-battalja taċ-champion Olimpika u tad-dinja tat-800 metru Caster Semenya biex twaqqaf bidla f’regola li taffettwa atleti nisa b’livelli għolja ta’ testosterone tista’ taraha titlef ħafna mill-istaġun tal-2019. Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Atletika l-IAAF, kellha l-ħsieb li ddaħħal ir-regoli l-ġodda fl-1 ta’ Novembru, iżda bidlet id-data għas-26 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla.
Dan minħabba li l-ewwel iridu jistennew l-eżitu finali tal-isfida legali minn Semenya. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jagħmlu restrizzjoni fuq il-livell ta’ testosterone fl-atleti nisa. Dan japplika għan-nisa fl-avvenimenti tat-track mill-400 metru sa mil, u se jkunu jridu li l-atleti jżommu l-livell tat-testosterone baxx għal tal-anqas sitt xhur qabel jikkompetu.
Il-posponiment ifisser li l-atleti femminili b’testosterone għoli, mhux se jitħallew jikkompetu għal sitt xhur mid-data li l-bidliet fir-regoli jidħlu fis-seħħ. Dan jeħodhom sas-26 ta’ Settembru li jfisser ġurnata qabel il-Kampjonati tad-Dinja tal-Atletika li se jsir f’Doha fil-Qatar.
Semenya u Athletics South Africa qed jisfidaw ir-regoli fil-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport. Ir-regola proposta mill-IAAF ifisser li xi atleti niesa b’livell naturali ta’ testosterone għoli, ikollhom jikkompetu kontra l-irġiel jew jibdlu l-avveniment li jieħdu sehem fih, sakemm jieħdu l-medikazzjoni biex jikkontrollaw il-livell.
Il-President tal-IAAF Sebastian Coe qal li Semenya u l-ASA qabldu fuq il-posponiment bħala parti mill-ftehim biex jingħalaq il-każ legali kemm jista’ jkun malajr. Fi stqarrija, l-IAAF żieded li tibqa’ kunfidenti fil-bażi legali, xjentifiċi u etiċi ta’ dawn ir-regolamenti u tistenna li l-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport jirrifjutaw dawn l-isfidi.
Semenya, darbtejn rebbieħa Olimpika u tliet darbiet champion tad-dinja, fil-passat kienet mitluba biex tagħmel testijiet tas-sess, iżda l-ebda riżultati uffiċjali ma saru pubbliċi. “Mhux ġust. Jien irrid niġri naturali, il-mod kif twelidt,” qal riċentament l-atleta ta’ 27 sena.” Testosterone hu ormon li jżid il-massa tal-muskolu, is-saħħa u l-haemoglobin li jżidu r-reżistenza.
//= $special ?>