Sa dalgħodu l-Gvern kien għadu ma tax risposta dwar jekk hux se jaċċetta li għada tiġi diskussa l-mozzjoni li tressqet b’urġenza nhar it-Tnejn li għadda. Dan ikkonfermah il-whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar f’kummenti lil dan is-sit.
Ilbieraħ fuq Net Live, id-deputat Nazzjonalista stqarr ukoll illi kemm il-whip minn naħa tal-Gvern u anke d-Deputat Prim Ministru huma infurmati b’din it-talba urġenti. Sa issa, il-Gvern għadu fil-muta.
Fil-mozzjoni, il-Kap tal-PN qed jitlob lill-Prim Ministru jordna inkjesta ndipendenti dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan sabiex jiġi stabbilit fost l-oħrajn jekk dan id-delitt setax jiġi evitat.
Il-mozzjoni titlob li jitwaqqaf bord li jkun magħmul minn perusni ta’ integrita’ maħtura mill-Prim Ministru iżda b’vot favur ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-Kamra. L-Oppożizzjoni qed titlob li l-bord tal-inkjesta’ jingħatalu l-mezzi u r-riżorsi kollha meħtieġa sabiex ikun jista jagħmel xogħolu sewwa.
Il-mozzjoni, li tressqet bi qbil unanimu mill-membri kollha tal-Oppożizzjoni, qed titlob ukoll għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali.
Il-mozzjoni tressqet lill-ispeaker Anġlu Farrugia mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, mid-Deputat Karol Aquilina u mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar f’isem id-Deputati Nazzjonalistai kollha.
//= $special ?>