Sport Sport Ieħor

Il-Ħadd jibda l-istaġun tal-Motocross

Il-Ħadd li ġej, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi tiftaħ l-istaġun 2018/2019 b’diversi attivitajiet mis-sezzjonijiet Autocross, Demolition, Enduro, Motocross u Trials għal total ta’ 39 attività matul id-disa’ xhur li ġejjin. Il-Ħadd jingħata bidu għall-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross. L-ewwel attività qabel il-Kampjonat se tkun Fun Race biex jiġu evalwati l-ħiliet tagħhom għal kompetizzjonijiet matul dan l-istaġun li ġej.

Fl-aħħar Laqgħa Ġenerali tħabbar li daħlu nies ġodda fit-tmexxija tal-Motocross. James Mamo u Michael Sant ġew eletti għall-ewwel darba fil-Kumitat Eżekuttiv. It-tmexxija kienet konfermata f’idejn John Cassar, b’Paul Deguara u John Mamo jkunu konfermati bħala Segretarju u Kaxxier rispettivament.

Fi Klassi A diversi sewwieqa investew f’muturi ġodda u jidher li se jkun kampjonat impenjattiv, b’sewwieqa l-aktar esperti li se jkunu qed jieħdu sehem f’din il-kategorija.

Is-sewwieqa msejħa Advanced se jieħdu sehem fi Klassi B u matul dan l-istaġun se jkun hemm ukoll Klassi Ċ. Din hi klassi ġdida u se tilqa’ fiha sewwieqa dilettanti u dawk li huma ġodda f’dan l-isport. L-ewwel programm tal-istaġun tal-Motocross il-Ħadd li ġej jibda fl-10.00am, bil-warm-up tibda siegħa qabel.

L-attivitajiet tal-istaġun ikomplu fil-ġimgħat ta’ wara bil-bidu tal-Kampjonat Nazzjonali Autocross il-Ħadd 28 ta’ Ottubru. Bi preparazzjoni, is-Sibt li ġej u s-Sibt 27 ta’ Ottubru se jsir skrutinju tal-karozzi li mistennija jieħdu sehem.

Intant bħalissa għadu għaddej ix-xogħol fuq l-Akkademja tat-Trials li hu proġett taħt il-VOPS 2018. Wara t-taħriġ għall-kowċis mill-FMI, il-kowċis imħarrġa se jkunu qed iħarrġu studenti biex iwassluhom għal-livell bażiku ta’ dan l-isport waqt il-ħin tal-iskola.

L-iskop tal-proġett hu l-attività fiżika u l-edukzzjoni sportiva fid-dixxiplina tal-isport fl-iskola, differenti minn dak tradizzjonali. L-għan hu li aktar studenti jipparteċipaw fl-isport. Fl-aħħar ġimgħat l-ASMK flimkien mat-tim tal-proġett approva s-sillabu f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, jidħol fil-paġna tal-facebook Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, jibgħat email fuq info@asmk.org.mt jew jagħmel kuntatt fuq 99425489.

Tags