Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija Liam Sciberras u Caroline Galea innutaw b’dispjaċir l-aġir irresponsabbli tal-Kunsillieri Laburista li huma f’maġġoranza, li ma jridux jiġġarantixxu li l-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija jimxi skont il-liġi b’mod partikolari mal-by-laws li huma liġijiet lokali li approva l-istess Kunsill.
Waqt laqgħa urġenti li ssejħet ilbieraħ fuq talba tal-Kunsillieri Nazzjonalisti, ġie diskuss ksur ta’ proċedura fl-għoti ta’ Ġnien iċ-Ċiniżi sabiex isiru filmati għar-reklamar għall-American University of Malta.
Sabiex dan il-permess ingħata, l-Kunsillieri Lokali tħallew fl-għama u ma kienux infurmati bit-talba għal dan il-permess. Jidher ċar li kien infurmat biss is-Sindku u l-Amministrazzjoni tal-Kunsill Lokali, dan minkejja li l-by-law li tirreġola dan il-ġnien titkellem ċar ħafna li l-approvazzjoni tal-permess għandha tingħata mill-Kunsill Lokali, jiġifieri mill-Kunsillieri, liema proċedura ma ġietx segwita.
Iktar minn hekk, għal din l-attività, xi ħadd minn wara dahar il-Kunsillieri approva li din l-istituzzjoni lanqas biss tħallas il-ħlas dovut skond il-liġi b’detriment għar-residenti ta’ Santa Luċija. Għalhekk din l-entità għamlet użu minn dan il-ġnien bla ma ħalset xejn. Irid jiġi nnutat ukoll li minkejja li s-Sindku ilu jsostni li wara din l-attività kien hemm il-Ministeru tal-Edukazzjoni u minkejja li wiegħed kemm-il darba li se jġib ittra mill-Ministeru li tikkonferma dan, din l-ittra qatt ma waslet u r-raġuni wara dan in-nuqqas jafu s-Sindku biss.
Il-Kunsillieri Nazzjonalisti jinnotaw b’dispjaċir li l-Kunsillieri Laburisti m’approvawx u vvutaw kontra mozzjoni li kienet titlob żewġ affariijet:
1: li l-Kunsill Lokali jitlob lill-American University of Malta sabiex tħallas il-ħlas dovut skont il-liġi
2: li l-Kunsill jitlob lis-Segretarja Eżekuttiva sabiex timxi strettament mal-liġi meta tiġi sabiex toħroġ permessi għall-użu ta’ dan il-ġnien.
Bil-vot tagħhom kontra din il-mozzjoni, l-Kunsillieri Laburisti għamlu dikjarazzjoni ċara li mhux biss iridu li r-residenti ta’ Santa Luċija jiġu mċaħħdin mill-flus dovut fi ħlas għall-użu ta’ dan il-ġnien, flus li setgħu ġew investiti lura fil-lokalità iżda wkoll ma jridux li l-amministrazzjoni tal-Kunsill tosserva l-liġi fir-rigward ta’ permessi għall-użu ta Ġnien iċ-Ċiniżi.
Il-Kunsillieri Lokali Nazzjonalisti Liam Sciberras u Caroline Galea jsostnu li huma sorpriżi li waqt l-istess laqgħa, il-Viċi Sindku ammetta espressivament li f’dan il-permess partikolari il-proċedura ma ġietx segwita. Għalhekk huwa ta’ għajb kbir li l-Kunsillieri Laburisti qegħdin japprovaw dak li skont il-Viċi Sindku stess huwa kontra l-liġi.
Il-Kunsillieri Nazzjonalisti Liam Sciberras u Caroline Galea jemmnu li Santa Luċija u r-residenti tagħha jixirqilhom trattment aħjar. Huma jassiguraw lir-residenti li minkejja li qegħdin f’minoranza, se jkomplu jaħdmu flimkien biex jaraw li l-lokalità tieħu dak li jistħoqqilha u ħadd ma jikser il-liġi, la bil-barka tal-Kunsillieri Laburisti kif ġara f’dan il-każ u lanqas bil-barka ta’ xi ħaddieħor.
//= $special ?>