Il-futur tal-attakkant ta’ Valletta Kyrian Nwoko jista’ jkun barra minn pajjiżna hekk kif rapporti fil-media lokali rrappurtaw li ż-żagħżugħ qed jinteressa lit-tim Ingliż Scunthorpe United.
Jidher li fl-aħħar ġimgħat, Scunthorpe kienu qed isegwu lil Nwoko, fejn saħansitra xi scouts tal-klabb ġew Malta biex isegwuh fil-partita tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena kontra Ċipru, logħba li inċidentalment Nwoko ġab id-draw lejn it-tmiem.
Scunthorpe bħalissa jinsabu fit-13-il post bi 17-il punt wara 13-il logħba. It-tim li jilgħab fil-League 1, għandhom lil Stuart McCall bħala l-kowċ il-ġdid u jidher li qed jipprova jsaħħaħ l-iskwadra.
Nwoko ngħaqad ma’ Valletta l-istaġun li għadda mingħand St. Andrews fejn ifforma parti mit-tim li rebaħ il-kampjonat u l-FA Trophy fl-ewwel staġun tiegħu. F’dan l-istaġun Nwoko ftit kien regolari hekk kif f’dan is-sajf Valletta akkwistaw lil Mario Fontanella u aktar tard lil Bojan Kaljevic. Kemm ilu ma’ Valletta, Nwoko skorja tmien gowls.
//= $special ?>