Iż-żewġ atleti li jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali Malti Charlotte Wingfield u Janet Richard ingħaqdu mal-klabb ta’ Pembroke Athleta għal dan l-istaġun. Minbarra Wingfield u Richard, Pembroke akkwistaw ukoll lill-atleti tad-distanzi twal, Adrian u Melvin Mifsud, kif ukoll lil Joanna Camilleri.
Wingfield li għandha 23 sena rebħet il-midalja tad-deheb fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-2015 u fl-2017 fl-isprints. Fil-preżent, Charlotte Wingfield għandha r-rekords nazzjonali tal-100 metru u l-200 metru. Riċentament hi rrappreżentat lil Malta fil-Kampjonati Ewropej, il-Logħob tal-Commonwealth, il-Kampjonati tad-Dinja u l-Olimpjadi.
Janet Richard għandha r-rekord nazzjonali fl-400 metru fil-kategorija ta’ taħt l-20 sena, rekord li waqqfet fil-Logħob Ewropew f’Baku fl-2015. Flimkien ma’ Wingfield, l-atletà ta’ 20 sena ffurmat parti mit-tim tal-4×100 metru li għamel l-aqwa ħin nazzjonali fl-istess edizzjoni. B’dawn l-akkwisti, Pembroke Athleta saħħew l-iskwadra tagħhom bit-tama li jsaħħu posthom fost l-aqwa klabbs f’pajjiżna.
//= $special ?>