Edukazzjoni Lokali Transport

Madwar 900 għadhom qed jistennew trasport

Hekk kif qbiżna nofs Ottubru u l-iskola ilha madwar xahar li bdiet, hawn iktar minn 900 student u studenta li għad m’għandhomx trasport għall-iskejjel. Dan kien ikkonfermat mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo.

Fit-22 ta’ Settembru li ghadda, 829 tifel u tifla mill-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti kienu għadhom mingħajr trasport. Ftit inqas minn xahar wara, il-Ministru qal li minn dawn, inqdew madwar 300, iżda issa in-numru ta’ nies li qed jistennew trasport tela’ għal 900.

 

Mistoqsi mill-ġurnalisti meta jaħseb li se jinqdew dawn it-tfal, il-Ministru wieġeb li  ma jafx meta dan se jseħħ, u tefaha fuq l-operaturi privati.

Il-Ministru Bartolo, akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Frank Fabri, żar l-iskola Primarja ta’ Pembroke u jassisti għall-wasla tat-tfal bil-vannijiet u l-coaches. Għalkemm il-Ministru wasal puntwalment fit-tmienja ta’ filgħodu, innutajna li diversi minn dawn il-vannijiet u l-coaches waslu ferm wara dan il-ħin, bl-aħħar vettura tasal madwar id-8.40, evidentement maqbuda fit-traffiku. Dan minkejja li xi studenti madwar il-pajjiż, qiegħdin jinġabru kmieni ħafna, uħud minnhom saħansitra qabel is-6a.m.

Mistoqsi dwar dan, il-Ministru Bartolo deher li ma kienx jaf dwar dawn il-ħinijiet u ħeġġeġ biex min għandu tfal li qed jinġabru kmieni ħafna, jikkuntattjaw lill-Ministeru

B’kollox hemm madwar 26,000 tifel u tifla li qed jużaw is-servizz ta’ trasport. 14,000 minnhom huma studenti fl-iskejjel tal-istat fejn kien hemm żieda ta’ 1,500 fuq is-sena li għaddiet. Filwaqt li 12,000 oħra jattendu l-iskejjel tal-Knisja u privati.