Futbol Sport

Real Madrid jipprotestaw biex il-logħba Girona v Barcelona ma tintlagħbx fl-Istati Uniti

Real Madrid opponew li l-logħba mill-kampjonat Spanjol bejn Barcelona u Girona tintlagħab fl-Istati Uniti. La Liga talbet lill-Federazzjoni tal-Futbol Spanjol għal permess biex din il-logħba tintlagħab f’Miami fis-26 ta’ Jannar.

F’ittra lill-RFEF, Real Madrid qalu li hu fundamentali li t-timijiet jilagħbu fl-istadiums ta’ xulxin għall-integrità u l-ugwaljanza tal-kampjonat La Liga. Il-President tal-RFEF Luis Rubiales tkellem kontra kontra din il-logħba, l-istess bħall-union tal-plejers Spanjoli.

Il-UEFA, il-Federazzjoni Amerikana u l-CONCACAF ukoll iridu jagħtu l-permess tagħhom biex din il-logħba sseħħ. Il-logħba proposta se tkun dik li Girona suppost għandhom jilagħbu f’darhom. Jekk dan iseħħ, il-logħba ssir fil-Hard Rock Stadium f’Miami fis-26 ta’ Jannar fid-8.45pm.

La Liga li hi l-ogħla diviżjoni fi Spanja, qablet li tilgħab logħba kull staġun fl-Istati Uniti bħala parti minn kuntratt ta’ 15-il sena mal-kumpanija tal-media Relevent.

Fl-ittra, Real Madrid iddikjaraw li huma qatt ma kienu infurmati li La Liga talbu biex jagħmlu talba jew li tintlagħab il-logħba, filwaqt li kkonfermaw li qatt ma kienu mitluba l-opinjoni. Riċentament, il-President ta’ La Liga Javier Tebas qal li t-timijiet lagħbu fi stadiums oħra meta l-grawnds tagħhom kien qed isir xi xogħol fihom, biex ikollhom aktar dħul. Hu sostna li jekk jemmnu fil-purità tal-isport, iridu jagħmlu ħafna bidliet fil-futbol.

Wara laqgħa ma’ La Liga, il-union tal-plejers Spanjoli qalet li se jkunu l-plejers li se jkollhom l-aħħar kelma.