Sport Sport Ieħor

Ronnie O’Sullivan jagħmel il-147 għall-15-il darba fil-karriera

Ronnie O’Sullivan għamel il-break massimu ta’ 147 għall-15-il darba fl-Open tal-Ingilterra. Il-ħames darbiet Champion tad-dinja naddaf il-mejda fl-aħħar frame tar-rebħa ta’ 4-0 kontra Allan Taylor fi Crawley.

Iżda hu se jkollu jaqsam il-premju totali ta’ ftit aktar minn €19,000 wara li Thepchaiya Un-Nooh għamel l-istess it-Tlieta. Ir-rebbieħ tas-sena l-oħra kien f’forma mill-aqwa kontra Taylor, anki bi break ta’ 135 fit-tieni frame, hekk kif għalaq il-logħba fi ftit aktar minn siegħa.

Dan hu t-tieni massimu ta’ O’Sullivan fl-2018, wara li kien għamel 147 kontra Elliot Slessor fl-Open taċ-Ċina f’April. Dan hu wkoll id-956 ċentinarju fil-karriera tas-sid numru tlieta.

Intant, is-sid numru wieħed Mark Selby kien eliminat b’telfa ta’ 4-3 kontra Ben Woollaston fuq il-boċċa s-sewda. Ir-rebbieħ tal-2010 Neil Robertson u s-sid numru 13 fid-dinja Ryan Day għaddew għat-tielet rawnd, iżda n-numru tnejn Ċiniż Liang Wenbo tilef kontra l-Iskoċċiż Eden Sharav.

O’Sullivan jilgħab kontra r-rebbieħ bejn Jimmy White u Matthew Stevens, filwaqt li ċ-champion tad-dinja Mark Williams jilgħab kontra l-Iżvizzeru Alexander Ursenbacher.

Tags