Is-sewwieq Rudi Farrugia u n-navigatur Malcolm Gauci spiċċaw fit-tieni post fil-kompetizzjoni King of Poland. Din kienet l-ewwel tellieqa li Ultra 4 organizzaw fl-Ewropa tal-Lvant u kienet il-finali tal-Kampjonat Ewropew għal din is-sena.
Għalkemm il-membri tal-All Wheel Drive Club ma kkompetewx għal dan il-kampjonat, il-fatt li din kienet il-finali bil-klassifiki tal-kampjonat miftuħa, għamlu l-kompetizzjoni aktar diffiċli għat-tim Malti. Il-kompetizzjoni li saret fil-Polonja kienet deċiżiva biex jiġi definit il-punteġġ għall-kampjonat tal-2018 u offra kompetizzjoni għar-rebbieħ ta’ kull klassi.
L-avveniment seħħ f’Olszyna Moto Park fuq trakka ta’ 22 kilometru, probabbilment l-aktar veloċi mir-rawnds l-oħra fl-Ewropa, b’foresti, ramel u blat li kkaratterizzaw l-avveniment. Rudi Farrugia u Malcolm Gauci kkompetew fi Klassi Ultra 4 u spiċċaw is-16-il dawra f’siegħa, 26 minuta u 24 sekonda wara Axel Burmman u Tom Olieslager tal-Belġju.
//= $special ?>