Futbol Sport

Shahid Khan jirtira l-offerta biex jixtri Wembley Stadium

Il-biljunarju Amerikan Shahid Khan irtira l-offerta tiegħu biex jixtri Wembley Stadium mill-FA Ingliż. L-offerta ta’ madwar €682 miljun kienet se tfisser li l-FA Ingliża tinvesti dawn il-flus għal trasformazzjoni ta’ diversi faċilitajiet tal-grassroots madwar l-20 sena li ġejjin.

Iżda l-idea li jinbiegħ l-istadium li sewa aktar minn €850 miljun, dejjem kien kontroversjali ma’ ħafna, u Khan li hu sid ta’ Fulham u t-tim tal-NFL Jacksonville Jaguars, jidher li qata’ qalbu li jirbaħ lil dawk li kienu qed jopponu dan il-ftehim.

Id-dubji prinċipali ta’ dawk li kienu kontra, kienu li hemm dubji dwar il-valur ta’ Wembley Stadium, l-abbiltà li l-flus jintefqu b’għaqal, kif ukoll il-pjan fit-tul ta’ Khan għal dan l-istadium.

In-negozjant ta’ 68 sena żied li ma jiċħadx li jerġa’ jirritorna li f’xi punt jerġa’ jagħmel offerta jekk l-FA Ingliża tkun deċiża. Hu saħaq li din l-esperjenza wasslet biex għamel ħbieb ġodda u jekk iċ-ċirkustanzi jkunu tajba, lest li jerġa’ jiddiskuti mal-FA Ingliża.