Futbol Sport

Wenger jindika li se jirritorna fil-bidu tal-2019

L-eks manager ta’ Arsenal Arsene Wenger qal li qed jistenna li jidħol lura fit-tmexxija ta’ klabb mill-1 ta’ Jannar fejn qal li għandu offerti minn madwar id-dinja. Il-Franċiż ta’ 68 sena temm 22 sena fit-tmexxija ta’ Arsenal fi tmiem l-istaġun li għadda.

Wenger għadu ma jafx x’se jkun ix-xogħol li jmiss, iżda qal li rwol f’assoċjazzjoni, tim nazzjonali jew saħansitra ritorn fil-Ġappun ikun possibbli.

Wenger kien beda l-karriera ta’ kowċ ma’ Nancy, qabel seba’ staġuni ma’ Monaco fejn magħhom rebaħ il-kampjonat Franċiż fl-ewwel staġun tiegħu. Wara esperjenza qasira fil-Ġappun ma’ Nagoya Grampus Eight, fl-1996 ingħaqad ma’ Arsenal fejn fosthom magħhom rebaħ tliet darbiet il-Premier League u seba’ darbiet l-FA Cup.

“Inħossni li straħt u lest li nerġa’ naħdem. Nemmen li se nerġa’ nibda fl-1 ta’ Jannar. Għadni ma nafx fejn imma. Hemm assoċjazzjonijiet, timijiet nazzjonali, tista’ tkun fil-Ġappun. Mit-22 sena ma’ Arsenal, għandi esperjenza kbira f’livelli differenti. Hemm talbiet minn madwar id-dinja,” qal Wenger.

Il-Franċiż qal ukoll li l-Ġermanja għandha bżonn lura lil Mesut Ozil. Il-midfielder ta’ 30 sena rtira mit-tim nazzjonali wara problemi li kellu mal-federazzjoni Ġermaniża.