Lokali

Allert Ewropew: F’Malta jinstabu batterji f’mussels li ġew mill-Italja

Tnieda allarm Ewropew wara li testijiet fuq kampjuni ta’ molluski (Bivalve Molluscs) li ġew impurtati f’Malta mill-Italja instab li huma kontaminati b’batterji (bacteria) li jagħmlu danni lil min jikkunsmahom.

Fl-avviż jingħad li hemm biża’ li dawn il-mussels jiġu kkunsmati waqt li ħarġet ordni biex ma jibqgħux jinġabru mussels miż-żona kontaminata, u wsiq inqas jinbiegħu.

Kien il-Ministeru tas-Saħħa ta’ pajjiżna li nforma lill-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea, b’rapport fuq il-Portal RASFF tal-Unjoni Ewropea, jikklassifika r-riskju bħala wieħed serju u joħroġ ordni li dawn il-mussles jiġu ritornati. Skont il-kampjuni li ttieħdu, instabu tliet batterji li huma l-Vibrio alginolyticus, Vibrio cholerae NON O:1/NON O:139  u Vibrio mimicus.

Din l-aħbar issegwi rapport simili, din id-darba li sar mill-Italja xi jiem ilu, dwar kontaminazzjoni minn batterji oħra ta’ mussels li kienu impurtati fil-pajjiż ġar tagħna mill-Greċja. Mhux magħruf jekk f’dan il-każ kinux ġew impurtati wkoll lejn pajjiżna, hekk kif rapporti fil-midja internazzjonali jgħidu li kienu diversi pajjiżi li kkonfermaw ir-rapport.

Net News bagħat jistaqsi lill-Ministeru tas-Saħħa biex ikun jaf l-isem tad-ditta jew inkella l-lott tal-mussels importati f’Malta u li huma kontaminati. S’issa għadna bla risposta.