Rapport dettaljat li għadha kemm ħarġet il-Kummissjoni Ewropea dwar il-qasam tal-edukazzjoni fil-pajjiżi kollha tal-UE juri li – minkejja l-wegħda tal-Partit Laburista li nkunu l-aqwa fl-Ewropa – wara sitt snin ta’ Gvern Laburista, fl-edukazzjoni qegħdin ma’ tal-aħħar Ewropa. Barra minn dan, l-investiment fl-edukazzjoni bħala proporzjon tal-ġid li jipproduċi l-pajjiż qed jonqos.
Dan stqarru s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Clyde Puli.
L-istqarrija tkompli tgħid li l-Education and Training Monitor 2018 tal-Kummissjoni Ewropea juri li fil-kejl importanti tal-livell milħuq mill-istudenti fil-matematika, il-qari u x-xjenza, Malta qiegħda fl-aħħar postijiet fl-Ewropa flimkien mar-Rumanija, Ċipru u l-Bulgarija.
Fl-ammont ta’ żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni jew it-taħriġ, Malta qiegħda l-aħħar fl-Ewropa bi 18.4 %, id-doppju tal-medja Ewropea ta’ 9.6 %, u qiegħda ferm ‘il bogħod mill-mira Ewropea ta’ 10 %.
Imqar fil-politika ta’ immigrazzjoni qawwija li imbarka fuqha l-Gvern, fil-kejl ta’ kemm studenti immigranti jħossu sens ta’ appartenenza fl-iskola, Malta ġiet it-tielet mill-aħħar fl-Ewropa. Il-Gvern imbarka fuq politika ta’ immigrazzjoni bla integrazzjoni effettiva.
Fl-għarfien ċiviku tal-istudenti fl-iskejjel Maltin, Malta ġiet l-aħħar ħlief għall-Bulgarija.
Fl-investiment fl-edukazzjoni, iċ-ċifri tal-UE juru li l-Gvern qed jinvesti dejjem anqas fl-edukazzjoni bħala persentaġġ tal-ġid nazzjonali. Bħala proporzjon tal-Prodott Domestiku Gross, in-nefqa tal-Gvern fl-edukazzjoni naqset minn 5.8 % fl-2013 għal 5.6 % s-sena ta’ wara, 5.5 % fl-2015 u 5.4% fis-sena ta’ wara.
Fil-kejl importanti ta’ kemm hi effettiva n-nefqa tal-Gvern fl-edukazzjoni, Malta toħroġ ħażin ħafna meta mqabbla ma’ pajjiżi li jonfqu anqas ras għal ras imma fejn il-kisbiet tal-istudenti tagħhom huma ferm aqwa minn dawk ta’ Malta.
Clyde Puli temm jgħid li waqt li d-differenza bejn il-paroli u l-fatti tal-Gvern Laburista fl-aħħar sitt snin hi netta, dawk li qed ibatu huma proprju l-istudenti Maltin u Għawdxin li b’kisbiet tant baxxi fil-perkors edukattiv tagħhom, ikunu kkundannati għal għomor ta’ pagi baxxi, aktar u aktar huma u jikkompetu maċ-cheap labour li qed jimporta l-Gvern.
//= $special ?>