Futbol Sport

FUTBOL INTERNAZZJONALI: Tomaz Kavcic imkeċċi minn kowċ tas-Slovenja

L-Assoċjazzjoni tal-Futbol tas-Slovenja keċċiet lill-kowċ nazzjonali Tomaz Kavcic wara l-aħħar riżultati deludenti tat-tim nazzjonali fil-UEFA Nations League.

Is-Slovenja, taħt Kavcic, rebħet darba biss fl-aħħar seba’ logħbiet u wara d-draw, 1-1, f’darha ma’ Ċipru, tinsab fl-aħħar post ta’ Grupp D tat-Tielet Diviżjoni tal-UEFA Nations League, b’punt wieħed minn erba’ logħbiet.

Kemm ilha taħt Kavcic – li kien inħatar kowċ nazzjonali f’Diċembru – is-Slovenja kisbet rebħa unika (2-0 kontra l-Montenegro f’logħba ta’ ħbiberija) u li waslet f’Ġunju li għada. Intant, it-tim nazzjonali Sloven sofra ħames telfiet taħt il-gwida ta’ Kavcic, u rnexxielu jiskorja biss żewġ gowls.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol tas-Slovenja, Radenko Mijatovic, qal li l-assoċjazzjoni tiegħu qed taħdem biex tikkonferma s-suċċessur ta’ Kavcic mill-aktar fis possibbli.

Dan meta s-Slovenja qed taħseb biex tilqa’ lin-Norveġja, il-liders ta’ Grupp D, fl-impenn li jmiss tan-Nations League, fis-16 ta’ Novembru. Wara dan il-konfront, is-Slovenja tkun impenjata, tlett ijiem wara, f’logħba oħra tal-grupp – din id-darba kontra l-Bulgarija.