Lokali

Ian Borg se jibni f’ODZ

Fl-2014, il-Ministru Ian Borg ingħata permess biex jibni villa fuq art barra miż-żona tal-iżvilupp fuq wied f’Santa Katarina.

Issa mistenni jingħata permess ukoll biex ikollu swimming pool, ġardina kif ukoll żona għall-ikel f’għalqa biswit ir-residenza fuq għalqa li għadha mhix mimsusa.

Dan hekk kif l-Awtorità tal-Ippjanar hi favorevoli mal-applikazzjoni kontroversjali li ressaq il-Ministru, minkejja oġġezzjonijiet minn numru ta’ għaqdiet ambjentali fosthom Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar u l-Assoċjazzjoni tar-Ramblers.

Mistoqsi dwar din l-applikazzjoni, il-Ministru Borg…li tahtu taqa’ l-Awtorita’ tal-Ippjanar… insista li mhu qed jagħmel xejn ħażin.

Iżda minkejja dan, wieħed minn dawk li qed joġġezzjonaw, Noel Ciantar, insista li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tipprova tiġġustifika l-ħruġ tal-permess billi tinvoka regoli differenti li mhux suppost japplikaw għal din iż-żona.

Skont Ciantar, fil-każ tal-iżvilupp ġdid japplikaw ir-regoli tan-Northwest Local Plan, li ma jjippermettux tali żvilupp, u mhux ir-regoli tar-Rural Policy li Ian Borg u l-Awtorità tal-Ippjanar qed jinqdew bihom.

Barra minn hekk ġie nnutat kif Ian Borg applika biex jiżviluppa l-għalqa biss wara li lesta l-bini tar-residenza tiegħu, minkejja li kien diġa xtraha. Dan allegatament sar biex jiffaċilità l-ħruġ tal-permess, għaliex ladarba r-residenza tkun lesta, iż-żona ġdida titqies parti integrali minnha.

Minkejja li l-Awtorità tal-Ippjanar tisħaq li s-sit m’għandux xi importanza agrikola partikolari, l-iżvilupp ġdid ta’ Ian Borg mistenni jibdel għalqa mhux mimsusa ta’ 600 metru kwadru fi spazju privat li se jiġi landscaped, swimming pool u wkoll żona għall-ikel.

Dwar ir-residenza ta’ Ian Borg diġa’ kien hemm investigazzjoni mill-Ombudsman, li kien ordna review tal-permess, kif ukoll mill-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni li għamlet tagħha wkoll il-konklużjonijiet tal-Ombudsman.