Kummerċ Lokali Saħħa

Id-‘Dyslexia’ u d-dinja tax-xogħol

Konferenza Bi-Annwali mill-MDA tappella għall-aktar inklużjoni

L-Assoċjazzjoni Maltija għad-Dyslexia matul il-ġurnata tal-Ħamis tellgħet il-konferenza bi-annwali tagħha bit-tema “Id-Dyslexia u d-Dinja tax-Xogħol” f’lukanda ewlenija fil-Furjana.

Il-konferenza, imtella’ bil-kollaborazzjoni tal-Assoċjazzjoni Maltija għal min Iħaddem, bdiet b’seminar filgħodu għall-edukaturi u professjonisti oħra f’dan il-qasam, minn counsellors sa psikologi u psikjatri kif ukoll żgħażagħ bid-dislessja. Qabel il-workshops, saru xi diskorsi mill-kelliema ewlenin, fosthom il-Professur Arnold J. Wilkins u s-Sinjura Kelly Kinsella.

Fost it-temi diskussi fis-seminar li jitrattaw in-nies b’dyslexia kien hemm l-edukazzjoni avvanzata, gwida għall-karrieri u t-taħriġ għad-dinja tax-xogħol u kwistjonijiet ta’ riżorsi umani. Hawn ħareġ l-importanza tal-inklużjoni ta’ dawn in-nies fid-dinja tax-xogħol u l-mogħdrija magħhom fuq ix-xogħol.

Intant, il-konferenza issuktat waranofsinhar b’forum għan-nies b’dyslexia u min iħaddem u għalqet b’laqgħa miftuħa filgħaxija għall-ġenituri, adulti b’dyslexia u l-pubbliku nġenerali.