Lokali

Il-Gvern jipprova jiskredita lill-OECD wara li pajjiżna ġie blacklisted

Il-Gvern Malti qed jipprova jiskredita lill-OECD, li poġġiet lil pajjiżna f’lista sewda ta’ ġurisdizzjonijiet finanzjarji li jinsabu f’riskju għoli.

Dan hekk kif l-Organisation for Economic Co-operation and Development ikkritikat l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija, u tgħid li din tista’ tippermetti li persuni li jakkwistaw passaport Malti jaħbu l-assi finanzjarji tagħhom.

Iżda minflok ittieħdet azzjoni, membri tal-Gvern infexxew jikkritikaw u jipprovaw jiskreditaw lill-OECD, bis-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli li taħdem minn uffiċċju f’Kastilja tgħid li din il-lista nħadmet fuq informazzjoni żbaljata.

L-istess il-Ministeru tal-Finanzi li f’ittra ppubblikata llum ikkritika lill-OECD u qal li xi partijiet mir-rapport ta’ din l-Organizzazzjoni mhux korretti jew saru b’nuqqas ta’ riċerka adegwata.

Jiġġustifika l-bejgħ tal-passaport Malti billi jgħid li l-ammont ta’ dawk mibjugħa minn pajjiżna huma biss frazzjoni ta’ dawk mibjugħa madwar l-Ewropa kollha.