Malta ħadet grupp iehor ta’ 44 immigrant – grupp li nhar it-Tnejn li għadda gie salvat qrib Lampedusa, biex b’hekk minn Ġunju ‘l hawn, iċ-ċifra ta’ kemm Malta laqgħet immigranti taqbeż l-elf persuna.
L-44 immigrant kienu ilhom tliet ijiem f’nofs kontroversja u battibekk bejn Malta u l-Italja, bil-Gvern ta’ Di Maio u Salvini ma jċedix. U l-Italja baqgħet tirrifjuta li tieħu lil dawn l-immigranti.
Il-Gvern fi stqarrija qal li fiz-zona fejn ġew salvati dawn l-immigranti bħalissa hemm maltemp kbir.
Għalhekk, ġie deċiż li tintervjeni patrol boat tal-AFM u jiddaħħlu Malta. Huma waslu f’pajjiżna l-Erbgħa bil-lejl.
Mhux magħruf eżatt kif se timmanuvra Kastilja issa li dawn l-44 immigrant rifsu l-art Maltija.
Għalkemm qiegħdin f’nofs Ottubru u t-temp mhux xi wiehed hanin wisq, jidher li dan xorta waħda mhux jaqta’ qalb iċ-ċrieki kriminali li jikkordinaw dawn il-vjaġġi klandestini – vjaġġi li s’issa minn Ġunju ‘l hawn wasslu aktar minn elf immigrant f’pajjiżna.
U minkejja li matul il-jum tlaqqa’ is-summit Ewropew li fih ipparteċipa l-Prim Ministru Muscat, it-tema tal-immigrazzjoni ftit li xejn ġiet diskussa, u ma tħabbret l-ebda azzjoni konkreta quddiem l-isfidi ġodda li qed jiffaċjaw il-pajjiżi tal-Mediterran…fosthom Malta.
//= $special ?>