Kultura Lokali

Lejl f’Casal Fornaro nhar is-Sibt li ġej

Tapit ta' tajr u l-ħobża Qormija fost l-attrazzjonijiet

Il-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi, fi ħdan l-Għaqda tal-Armar San Sebastjan, qed itella’ l-festival ‘Lejl f’Casal Fornaro’ għat-12-il sena konsekuttiva s-Sibt 20 t’Ottubru filgħaxija.

Din l-attività għandha l-għan li tilħaq il-familja kollha pemrezz ta’ wirjiet artistiċi u kulturali, il-wiri ta’ diversi fran u kif issir il-ħobża, mużika, teatru u esebizzjoni ta’ opri ta’ arti li ħadem il-mibki, Renzo Gauci.

Attrazzjoni partikolari f’din l-attività se tkun Triq il-Kunċizzjoni, wara l-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Pinto, hekk kif se tkun armata bit-tajr maħduma mill-voluntiera Bastjaniżi minn fuq sa isfel.

Il-pubbliku jista’ jipparkja f’parkeġġ dispost f’supermarket ewlieni fi Triq Manuel Dimech, filwaqt li l-persuni b’diżabbiltà se jkollhom il-parkeġġ ta’ biswit il-Knisja Parrokkjali ta’ San Sebastjan f’Misraħ il-Kortil tal-Gran Mastru riservat għalihom.

L-attività qiegħda tittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi.