Futbol Sport

Luke Shaw: Kuntratt ġdid ta’ ħames snin ma’ Man Utd

Id-difensur internazzjonali Ingliż, Luke Shaw, iffirma kuntratt ġdid ta’ ħames snin ma’ Manchester United wara li impressjona ħafna fl-impenji tal-kampjonat domestiku u tal-Ewropa, mill-bidu tal-istaġun.

Skont ir-rapporti, il-kuntratt ġdid se jiggarantilu dħul ta’ 150,000 Sterlina fil-ġimgħa.

Shaw, li għandu 23 sena, kien daħal fl-aħħar sena tal-kuntratt preċedenti u kien magħżul bħala Plejer tax-Xahar għal United għax-xhur ta’ Awwissu u Settembru.

Intant, id-difensur iffirma l-kuntratt ġdid fil-kumpless tat-taħriġ ta’ Carrington, bid-diriġenti ta’ Manchester United jikkonfermaw il-ftehim xi sigħat ilu.

Luke Shaw kiseb post regolari fit-tim ta’ United u beda f’disa’ fost il-ħdax il-logħba tar-Red Devils għal dan l-istaġun, fejn ħa post il-plejer internazzjonali sieħbu, Ashley Young.

Għalkemm Shaw kellu jirtira mill-impenji tal-Ingilterra kontra l-Kroazja u Spanja ( fil-UEFA Nations League) minħabba injury, hu mistenni jkun inkluż fit-tim ta’ United li nhar is-Sibt jikkonfronta lil Chelsea fi Stamford Bridge, bil-Premier League Ingliż qed jirritorna wara waqfa qasira.